Dan is-sit jista’ jikkonferma li s’issa huma tnejn minn tliet plejers ta’ Birkirkara li mistennija jappellaw mis-sentenza li ngħatatilhom mill-UEFA ġimgħa ilu. Ġimgħa ilu sitt plejers tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol ta’ taħt il-21 sena ingħataw sospensjoni mill-UEFA.
Tnejn minnhom, Kyle Cesare u Emanuel Briffa, ġew sospiżi għal għomorhom wara li nstabu ħatja li ppruvaw jimmanipulaw ir-riżultat ta’ żewġ partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-2017.
Malta kienet lagħbet kontra l-Montenegro fit-23 ta’ Marzu tal-2016 filwaqt li sitt ijiem wara lagħbet kontra r-Repubblika Ċeka.
L-erba’ l-oħra ngħataw sospensjonijiet differenti minħabba raġunijiet differenti. Samir Arab ġie sospiż għal sentejn, Ryan Camenzuli għal sena u sitt xhur, Llywelyn Cremona għal sena u Luke Montebello għal sena.
Arab u Camenzuli ngħataw din is-sospensjoni ta’ sentejn għaliex instabu ħatja li ma nfurmawx lill-UEFA meta ġew avviċinati bl-istess skop. Minbarra s-sospensjoni Ryan Camenzuli, Llywelyn Cremona u Luke Montebello ġew ordnati wkoll jagħmlu xogħol ta’ servizz fil-komunita’ tal-futbol.
Mis-seba’ plejers investigati huwa biss il-gowlkiper Matthew Calleja Cremona li ġie meħlus mill-akkużi kollha u b’hekk ma ntsabx ħati.
Briffa hu plejer ta’ Floriana, Cesare hu ta’ Pieta, Arab hu ta’ Balzan, Camenzuli, Cremona u Montebello huma plejers ta’ Birkirkara.
Birkirkara kellhom lil Luke Montebello, Ryan Camenzuli u Llywelyn Lui Cremona affettwati minn din is-sentenza, bis-sentenzi ta’ sospensjoni fil-konfront tagħhom ivarjaw. Il-każ għadu fi stadju ta’ appell u b’hekk is-sentenza mhijiex waħda definittiva.
S’issa filfatt il-plejers u l-klabb lanqas għadhom ingħataw l-ispjegazzjoni tal-verdett. Ikun wara li toħroġ din l-ispjega li l-plejers ikunu jistgħu jappellaw.
Id-Direttur Tekniku ta’ Birkirkara, Michael Valenzia, ikkonferma din l-aħbar waqt il-programm ‘Replay Ikompli’ għalkemm ma żvelax min mit-tlieta mistenni jappella.
Sadattant il-plejers qed jitolbu li s-sospensjoni tagħhom tagħhom tiġi sospiża sakemm jinstema’ l-appell u tidħol fis-seħħ wara l-appell. Dan hekk kif hemm klawsola li f’xi każi tista’ tidħol fis-seħħ, għalkemm fi kliem Valenzia stess, iċ-ċans hu remot ħafna.
Il-plejers qed ikunu assistiti mhux biss mill-avukati rispettivi tagħhom, imma wkoll min-naħa tal-MFA grazzi għal Matt Paris kif ukoll mill-MFPA permezz ta’ Carlo Mamo kif ukoll bl-appoġġ tal-klabb tagħhom stess.
//= $special ?>