Futbol Sport

FUTBOL – Turnament lokali bejn timijiet Maltin u barranin

Matul ix-xhur li ġejjin f’Malta se jkun hawn l-eksplejer internazzjonali Franċiż Christian Karembeu. Fl-1998 hu kien rebaħ it-Tazza tad-Dinja ma’ pajjiżu. Ironikament, anke t-trofew tat-Tazza tad-Dinja se jkun preżenti għall-wiri f’Malta fl-10 ta’ Frar li ġej.

Timijiet barranin li se jkunu Malta għal kamp ta’ taħriġ u t-timijiet Maltin li se jilagħbu partiti ta’ ħbiberija kontrihom se jieħdu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-Valletta 2018 International Football Tour fl-okkażjoni tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropeja tal-Kultura.

Fost it-timijiet li se jieħdu sehem fit-turnament se jkun hawn Levski Sofia, 26 darba champions tal-Bulgarija.
Dan l-istaġun huma qegħdin immexxija minn Delio Rossi, kowċ li fil-passat mexxa timijiet tas-Serie A bħal ma huma Bologna, Fiorentina, Lazio, Palermo u Atalanta.

Levski Sofia se jiftħu l-V18 International Football Tour għada kontra ċ-champions Maltin Hibernians fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali. Levski se jdumu hawn Malta xahar sħiħ minħabba li l-kampjonat Bulgaru jieqaf f’Jannar u Frar.

Delio Rossi qal li l-klabb tiegħu għażel lil Malta għal kamp ta’ taħriġ għax ħass li l-klima u l-faċilitajiet offruti huma l-aħjar.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Jason Micallef chairman tal-Fondazzjoni V18 qal li dan it-turnament huwa parti mil-legat li trid tħalli Brand Valletta li huwa qal qiegħda hawn biex tibqa’ u wera t-tama li l-marka tkun b’saħħitha biżżejjed biex fis-snin li ġejjin tħajjar timijiet oħra kbar lejn Malta.

Il-Valletta 2018 International Football Tour se jkun jikkonsisti fi 12-il partita bejn dax-xahar u Marzu.

Minbarra Levski Sofia se jieħdu sehem ukoll timijiet mill-Awstrija, mirr-Repubblika Ċeka, milll-Ungerija, mill-Iżvizzera, minn Norveġja, u mill-Iżvezja. Timijiet Maltin li żgur se jkun qed jieħu sehem huma Balzan u Hibs.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet Marija Micallef, Chief Operating Officer ta’ GSD Marketing, sponsors ewlenin tat-turnament, tat iktar dettalji dwar it-trofew tat-tazza tad-dinja li se jkun għall-wiri f’Malta fl-10 ta’ Frar.

It-Tazza tad-Dinja se tinġieb f’Malta bħala parti mill-‘FIFA World Cup Trophy Tour by Cola Cola’ u se tkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed torganizza l-Fondazzjoni Valletta 2018 fl-okkażjoni li l-Belt Valletta se tkun il-Belt kapitali Ewropea tal-Kultura.

It-trofew se jkun f’Malta għal ġurnata waħda biss u ser isir avveniment esklussiv fis-Suq tal-Belt.

Marija Micallef spjegat kif min jattendi l-logħbiet ta’ dan it-turnament se jkollu ċans jirreġistra biex iżur is-Suq tal-Belt fejn se tkun esebita t-Tazza tad-Dinja u ħabbret li għall-okkażjoni se jkun hawn Malta wkoll l-eksplejer ta’ Sampdoria, Real Madrid u t-tim nazzjonali Franċiż, Christian Karembeu.