Il-Papa Franġisku talab il-maħfra taċ-Ċileni ‘għall-ħsara irreparabbli’ li saret lit-tfal li kienu spiċċaw abbużati mill-qassisin, b’din it-talba titqies bħala sinifikanti fid-dawl tal-ewwel żjara minn Kap tal-Kattoliċi f’dan il-pajjiż għal dawn l-aħħar 30 sena.
Fil-fatt, l-ewwel impenn tal-Papa fiċ-Ċile kien li jirreferi direttament għall-iskandlu tal-abbuż, waqt diskors uffiċjali, f’Santiago, quddiem il-President taċ-Ċile, Michelle Bachelet u li għalih kien hemm preżenti deputati parlamentari, imħallfin u membri oħrajn tal-awtoritajiet Ċileni.
Il-Papa tenna li ħassu fid-dover li jesprimi ‘is-sens ta’ sogħba u mistħija għal dak li sofrew it-tfal taħt idejn uħud mill-Ministri tal-Knisja’. Hu sostna li kien qed jissieħeb mal-Isqfijiet fit-talba għall-maħfra, fost l-impenji tal-appoġġ lill-vittmi u impenn determinat biex dan l-abbuż ma jirrepetix ruħu.
Intant, Il-Papa, ftit tal-ħin ilu, iċċelebra quddiesa fil-miftuh għall-pubbliku f’O’Higgins Park, fl-inħawi ta’ Santiago. Il-folol kienu kbar u entużjażmati minkejja li fiċ-Ċile hemm it-tieni l-akbar poplu sekulari fil-kontinent tal-Amerika Latina. Fil-messaġġ tiegħu, il-Papa ħeġġeġ liċ-Ċileni biex ma jwarrbux lil ħaddieħor li jista’ ma jkunx komdu daqshom waqt li jintilfu fil-konsumeriżmu.
Mal-wasla tiegħu fiċ-Ċile, il-Papa ntlaqa’ mill-President Bachelet, u wara, dar bil-popemobile mit-toroq ta’ Santiago. Il-programm tal-Papa, li jdum sal-Ħamis, jinvolvi, fost oħrajn, laqgħa bejnu u l-vittmi tad-dittatorjat tal-eks Mexxej Ċilen Augusto Pinochet. Avveniment ieħor simboliku se tkun iż-żjara li l-Papa se jagħmel illum għand il-membri tal-komunità indiġena tal-Mapuche, f’Temuco, il-kapitali tar-reġjun ta’ Araucania.
Qabel iż-żjara tal-Papa kien hemm element qawwi ta’ tensjoni fiċ-Ċile wara li diversi knejjes fil-pajjiż kienu sfaw attakkati jew vandalizzati. L-attakki, sadanittant, komplew fl-ewwel jum taż-żjara – bi tliet knejjes jisfaw il-mira tal-bombi tan-nar. Tnejn minn dawn l-attakki seħħew fuq knejjes fir-reġjun ta’ Araucania, bit-tielet knisja attakkata tkun fi Puento Alto, lejn in-nofsinar ta’ Santiago.
Il-Papa Franġisku itemm iż-żjara fiċ-Ċile nhar il-Ħamis, u mistenni jibda żjara fil-Peru fl-istess ġurnata.
//= $special ?>

