Il-Gvern ta’ Joseph Muscat rabat lill-poplu jħallas €80 miljun lill-Vitals Global Healthcare, il-VGH biex il-poplu jieħu lura f’idejh it-tmexxija tat-tlett sptarijiet li huma l-isptar ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar Karin Grech u l-isptar San Luqa. 3 sptarijiet li huma tal-poplu u li l-gvern ta’ Muscat għaddihom lill-privat. Biex issa mill-VGH għaddew għand kumpanija ohra, Steward Healthcare. Dan id-dettall li nżamm moħbi mill-gvern ta’ Joseph Muscat qed ikun deskritt bħala skandaluż.
Dettall ieħor li nżamm mistur hu li l-gvern tal-ġurnata se jkollu 24 xahar ċans qabel tispiċċa l-konċessjoni ta’ 30 sena biex javża lill-VGH li se jieħu l-isptarijiet lura. Fin-nuqqas ta’ dan il-VGH awtomatikament tibqa’ bit-tmexxija tat-3 sptarijiet għal 69 sena.
Dan kollu ġie miftijhem mill-Ministru Konrad Mizzi meta dak iż-żmien kien għadu Ministru tas-Saħħa.
Dan ġie rrapurtat mill-gazzetta Times of Malta f’artiklu li jkompli jispjega kif minkejja li dawn it-3 sptarijiet il-gvern għaddihom lill-VGH għal 30 sena, partijiet mill-ftehim li ffirma magħhom il-gvern baqgħu mistura. Fost id-dettalji li nżammew moħbija mill-Gvern hemm li l-Vitals setgħu jibgħu bil-kontroll tal-isptar San Luqa għal 99 sena eżattament sa Marzu 2046. Il-gvern qatt ma kien ippubblika b’mod sħiħ id-deal miljunarju li għamel mal-VGH kumpanija mingħajr esperjenza fil-qasam tas-saħħa minkejja li għaddielha t-tmexxija ta’ 3 sptarijiet. Kien ippublika biss parijiet mill-kuntratt bl-aktar dettalji importanti kienu tħassru.
Jirriżulta li preżentament il-VGH qed tħallas kera għal sena ta’ ftit aktar minn €300,000 għall-isptar San Luqa, €59,000 għall-isptar Karin Grech u ftit aktar minn €150,000 għall-isptar ta’ Għawdex. U wara li jgħaddu t-30 sena li Gvern ftijhem magħhom biex imexxu t-3 sptarijiet, biex il-poplu jerġa jieħu lura dak li hu tiegħu irid iħallas lill-VGH €80 miljun. Dan ifisser li l-VGH se jkunu ħadu f’valur ta’ 12-il darba aktar mill-kera li jkunu ħallsu fi 30 sena.
Dan minbarra li ftit tal-jiem ilu, ġranet qabel il-Milied, ħarġet l-aħbar li l-VGH ma kinux kapaċi jilħqu l-miri mifthema mal-gvern u allura se jgħaddu t-tmexxija lil kumpanija oħra, Steward Healthcare. Dan minbarra wkoll li ftit tal-ġimgħat ilu il-Gvern approva li jirdoppja l-pagamenti li qed jagħti lill-VGH biex imexxu minn €16 miljun għal €34 miljun.
Sadanittant is-Soċjeta’ Ċivili fuq il-paġna ta’ facebook xandret dan il-filmat dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-isptarijiet.
//= $special ?>