Lokali Parlament

Il-prezz tal-kannabis mediċinali għandu jkun raġonevoli biex din tkun aċċessibbli għal min għandu bżonnha

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara appellat biex il-prezz tal-kannabis mediċinali jkun wieħed raġonevoli biex dawk il-pazjenti li jkollhom bżonnha jkunu jistgħu jixtruha u l-piż ma jintefax fuq il-Community Chest Fund.

Meta tkellmet fil-parlament Maria Deguara qalet li l-użu tal-kannabis għal skopijiet rikreazzjonali hu llegali kważi fid-dinja kollha waqt li l-użu għal skopijiet mediċinali hu permessibbli f’diversi pajjiżi foshtom l-Awstralja, Iżrael u l-Kanada. L-Awstralja saret produttur ewlieni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali.

Il-kannabis għandha tintuża għal skopijiet mediċinali meta l-mediċina l-oħra wżata fuq il-pazjent tkun falliet. Dan l-użu għandu jkun kontrallat bis-saħħa biex ma jkunx hemm użu rregolari u jsir abbuż.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-qbdiet ta’ droga llegali jagħmel ġieħ lill-forzi tas-sigurtà iżda huma provi ċari ta’ kemm is-suq hu kbir u jġib ħsara kbria fuq is-soċjetà Maltija. Hi tkellmet dwar ir-responsabbiltà tat-tobba li jippreskrivu l-kannabis bħala mediċinali partikolarment fil-każ tat-tfal.

Maria Deguara qalet li d-deċiżjoni f’Malta li l-kannabis għal skop mediċini tkun biss taħt forma li ftit tista’ ktun abbużiva hi waħda tajba. M’hemmx konferma mediċika dwar l-użu tal-kannabis għalkemm hemm pazjenti li jaħilfu fuq l-effetti pożittivi li huma jkollhom meta jużaw il-kannabis.

Għandu jkun hemm libertà fuq it-tobba li jagħżlu li jippreskrivu l-kannabis għaliex hemm tobba li jażgħlu li jagħtuhix. Importanti li min ikollu bżonn il-kannabis bħala mediċina, jagħmel dan bi prezz raġonevoli għaliex qed jissemma’ li l-prezz se jkun wieħed ogħli. Il-piż se jintefa’ fuq il-Community Chest f’dawn iċ-ċirkostanzi.