Ir-Rumanija għaddejja minn inċertezza politika wara li tilfet it-tieni Prim Ministru għal dawn l-aħħar seba’ xhur, bir-riżenja tas-Soċjal Demokratiku, Mihai Tudose.
Kien fil-fatt l-istess Partit PSD ta’ Tudose li rtiralu l-appoġġ minħabba tilwima interna, bl-eks Prim Ministru jinsisti li ‘hu iddeċieda li jitlaq b’rasu mgħollija’.
Dan il-partit ilu x-xhur għaddej minn taqbida għall-poter, b’Sorin Grindeanu, li kien Prim Ministru tar-Rumanija qabel Tudose, ukoll jitfa’ ir-riżenja f’Ġunju li għadda.
Il-PSD mhux jirnexxilu jikseb il-fiduċja tal-poplu wara li seħħ it-tbagħbis waqt elezzjonijiet fir-Rumanija, fost diversi skandli ta’ korruzzjoni. Fl-istess ħin, ir-Rumanija, li hi fost l-ifqar Stati-membri tal-Unjoni Ewropea, qed tgawdi minn livell qawwi ta’ żvilupp ekonomiku.
L-aħħar rapporti minn Bucharest qalu li t-Tmexxija tal-PSD ivvutat biex twarrab l-appoġġ għal Mihai Tudose wara li l-eks Prim Ministru kisirha mal-President tal-Partit, Liviu Dragnea, li hu projbit minn kariga politika minħabba kundanna għal reat kriminali.
L-indikazzjonijiet huma li l-Viċi-Prim Ministru Paul Stanescu se jaċċetta l-kariga ta’ Prim Ministru proviżorju tar-Rumanija għal perjodu ta’ 45 jum. Il-PSD, f’dan il-perjodu, irid jipproponi lill-Prim Ministru ġdid li anki jeħtieġ l-approvazzjoni tal-President Rumen, Klaus Iohannis, li għandu l-poter biex jaċċetta jew jiċħad kandidat.
//= $special ?>

