Internazzjonali

Jinqatel politiku Serb fil-Kosovo

Politiku Serb tal-Kosovo inqatel barra l-uffiċini tal-partit tiegħu fiz-zona ta’ Mitrovica li hi kontrollata mis-Serbi. Oliver Ivanovic, li kien meqjus bħala moderat, intlaqat erba’ darbiet minn tiri sparati lejh u ttieħed b’urġenza l-isptar fejn iddikjarawh mejjet.

L-aħbar tal-qtil qajjem sens ta’ xokk qawwi u wassal biex in-negozjaturi għall-Gvern Serb joħorġu ‘il barra minn taħditiet li kienu qed isiru, fi Brussell, mal-Albaniżi tal-Kosovo. It-taħditiet partikulari kienu taħt il-medjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ivanovic, li kellu 64 sena, kien imexxi Partit Serb tal-Kosovo bl-isem ‘Ħelsien, Demokrazija u Ġustizzja’. Hu anki kellu rwol ewlieni fin-negozjati man-NATO u l-UE.

Intant, Ivanovic kien qed jistenna biex jgħaddi minn ġuri ieħor għal allegati reati tal-gwerra kontra l-Albaniżi etniċi li jmorru lura għall-1999.

Il-Kosovo għadu mifrud fuq linji etniċi mindu ssepara minn mas-Serbja, bil-belt ta’ Mitrovica tinsab maqsuma bejn is-Serbi u l-Albaniżi tal-Kosovo.