Lokali Parlament

Konrad Mizzi jaħrab milli jwieġeb dwar rapporti ta’ korruzzjoni fis-settur tal-enerġija…u lanqas dwar id-dettalji tal-kuntratti mal-Electrogas

Stqarrija Ministerijali mill-Gvern dwar l-enerġija li ma twieġeb ebda mistoqsija tal-Oppożizzjoni kemm dwar il-korruzzjoni kif ukoll dwar il-ftehim li l-Gvern għamel mal-Electrogas

Il-Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru Joe Mizzi ħarbu milli jwieġbu l-mistoqsijiet diretti tal-Oppożizzjoni dwar ir-rapporti ta’ korruzzjoni speċifikati mill-FIAU dwar il-power station il-ġdida u s-settur tal-enerġija. Il-Gvern naqas ukoll li jwieġeb dwar ċertu deċiżjonijiet importanti li l-Gvern ħa dwar it-tariffi li bihom il-gvern intrabat li jixtri l-enerġija u dwar il-kuntratti mal-Electrogas.

Is-settur tal-enerġija kien diskuss f’dibattitu parlamentari li fih l-Ministri Konrad Mizzi u Joe Mizzi għamlu stqarrijiet ministerjali dwar is-settur tal-enerġija u l-power station il-ġdida. Huma naqsu li jwieġbu mistoqsijiet ta’ deputati tal-PN dwar is-suġġett.

Fl-istqarrija Ministerjali tiegħu l-Ministru Joe Mizzi tkellem dwar it-terminu ta’ pagamenti fit-tul għall-impjant tal-gass f’Delimara. Hu qal li dan hu proġett li fih hemm il-prinċipju li jekk ikun hemm ħsarat fl-impjant ewlieni tal-pajjiż, xorta jkun hemm enerġija biżżejjed. Hu kompla li dan il-proġett jikkonferma kemm il-grid ma kinitx biżżejjed u wassal biex twaqqa’ l-impjant tal-Marsa.

Dan il-proġett issa beda jopera u l-gvern beda jaħseb fuq proġetti oħra fosthom il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija u jgħaqqad lill-pajjiż mas-sistema internazzjonali tal-gass. Dan il-proġett se jiswa €320 miljun u tqabbdet kumpanija Belġjana li identifikat ir-rotta bejn Gela u Delimara. Il-pipeline se jieħu post it-tanker tal-gass li hemm f’Delimara.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-proġett ta’ Delimara 4 kien finanzjat mis-settur privat u li wasal biex spiċċa l-użu tal-heavy fuel oil. Dan il-proġett wassal biex roħsu it-tariffi, sostna l-Ministru Mizzi, li kompla li minkejja l-ostakli l-gvern kompla għaddej biex wettaq dan il-proġett.

Hu kompla li l-pajjiż kien f’sitwazzjoni diffiċli fl-enerġija u qal li l-gvern ipprova seciurity of supply permezz ta’ ftehim li rabat lill-gvern jidħol fiż-żarbun tal-Enemalta. Il-proġett kien notifikat u skrutinizzat mill-UE u fil-11 ta’ Jannar 2017 il-Kummissjoni Ewropea approvat il-proġett. Il-Gvern ta garanzija bankarija lill-Electrogas biex l-proġett ikun jista’ jibda jitwettaq.

Il-Ministru Mizzi kompla li b’kollox il-Gvern daħħal €11-il miljun f’tariffi mill-Electrogas mill-garanzija bankarja. Il-poplu llum qed igawdi minn tariffi tal-enerġija stabbli b’riżultat ta’kuntratti fit-tul li għamel il-gvern. Permezz ta’ dan il-ftehim il-pajjiż kiseb fiduċja minn entitajiet barranin. Il-bridge loan tħallas kollu biex il-gvern irtira l-garanzija bankarija.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li l-istqarrija tal-Ministru Mizzi fiha biss buz words li fiha ma ntqal xejn ġdid bl-istess mod kif sar fil-kuntratt mal-VITALS fejn m’hemm l-ebda ċifra. Il-garanzija bankarja bdiet minn E88 miljun u telgħet għal €360 miljun li ma tħabbritx mill-Gvern iżda tħabbret f’gazzetta lokali. Mingħajr din il-garanzija l-proġett ma kinx isir. Il-Gvern jonqsu jippubblika disa’ kuntratti oħra għaliex hemm 18-il kuntratt f’dan il-proġett skont l-Awditur Ġenerali. Il-Gvern għandu jikkonferma li r-request of proposal l-garanzija bankarija kienet option li setgħu iwettqu t-18-il bidder.

Claudio Grech kompla li l-gvern issa qed jgħid li l-fthiem hu għal 25 sena u mhux 18-il sena. Il-Gvern għandu jgħid x’inhi r-rata tal-elettriku li biha l-gvern intrabat li jixtri l-enerġija, jekk dan hu l-aqwa ħaġa li ġrat fil-pajjiż. Il-gvern għandu jgħid jekk għandux l-obbligu li jixtri l-enerġija kollha ġenerata minn dan il-proġett.

Claudio Grech kompla li l-gvern għandu jippubblika l-analiżi tal-prezzijiet involuti biex ikunu jistgħu jsiru l-paraguni. Il-gvern mhux lest jippubblika d-dettalji ta’ dan il-ftehim, sostna Claudio Grech,li sostna li l-Oppożizzjoni m’għandix fiduċja f’ak li qed jgħid il-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Ministru Konrad Mizzi hu l-Ministru tat-Turiżmu u mhux tal-Enerġija u kompla li l-Ministru Mizzi nesa jgħid li sab ħin li jirreġistra kumpanija sigrieta fil-Panama. Din il-kumpanija kienet żvelata minn Dapahne Caruana Galizia li kienet assassinata tliet xhur ilu.

Simon Busuttil semma’ r-rapport tal-Parlament Ewropew u qal li dan jikkonkludi li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jitkeċċa minn ministru u jitressaq għall-ġustizzja. Kull ġurnata li l-Ministru Mizzi jibqa’ hemm se tkompli tonqos il-kredibbiltà ta’ Malta.

Simon Busuttil staqsa lill-Ministru Mizzi x’qed jagħmel fil-parlament u għaliex għaduma rriżenjax wara r-rapport tal-Parlament Ewropew. Fl-istess żmien li Konrad Mizzi nnegozja l-bini tal-Power Station u l-bejgħ tal-Enemalta, il-persuna Ċiniża Cheng Cheng fetaħ kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands mill-istess persuna li fetaħ il-kumpanija ta’ Mizzi. Konrad Mizzi għandu jispjega dwar il-ftuħ ta’ din il-kumpanija u għandu jwieġeb x’konnessjoni għandu mal-kumpanija 17 Black reġistrata f’Dubaj.

Id-deputat tal-PD Marlene Farrugia qalet li Konrad Mizzi ma żammx kelmtu li mhxu se jipprivatizza għaliex illum il-poplu tilef il-kontroll totali tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-pajjiż. Il-poplu għandu ma jafx l-iktar dettalji importanti għaliex il-gvern daħħal lill-pajjiż fi ftiehem ma’ din il-kumpanija għal 25 sena.

Id-deputat tal-PD Godfrey Farrugua staqsa jekk il-power station hux topera bla problemi u jekk il-prezz li fuqu l-gvern intrabat hux ġust.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-bejgħ tal-Enemalta hu momument ta’ korruzzjoni li sar mill-Ministru Mizzi u l-Gvern ta’ Muscat. Hu semma l-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li dwar 17 Black diġà hemm rapport tal-FIAU li stabilixxa li 17 Black hi reġistrata f’Dubaj biex jiġu trasferiti fondi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.

L-FIAU kkonfermat li diġà kienu tarsferiti fondi f’17 Black u li Mizzi kien mar Dubaj biex jiftaħ il-kont u jippreżenta d-dokumenti lill-bank personalment. Il-Ministru Mizzi mar iċ-Ċina 17-il darba f’sentejn; 12-il vjaġġ minnhom ħadd ma jaf bihom. Il-Ministru Mizzi għandu jispjega dwar rapporti ta’ nuqqasijiet fl-enerġija fl-istess power station. Il-Gvern issa qed jiddefendi lill-ħallelin tal-VITALS li issa għamlu l-miljuni minn fuq il-poplu Malti.

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco staqsa għaliex il-gvern ma ħassx il-bżonn li meta ta l-garanzija statali, isisr stqarrija ministerjali. Ir-roħs sar bis-saħħa tal-impjant tal-BWSC, tar-roħs internazzjonali taż-żejt u tal-effiċjenza tar-rati tal-interconnector. Il-Ministru Mizzi għandu jgħid jekk hux se jraħħas ir-roħs li kien wiegħed, sostna Mario de Marco, li staqsa jekk il-gvern żammx id-dritt li jixtri minn fejn hu l-orħos.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-Ministru Mizzi ma semmiex lill-ħaddiema tal-Enemlat u għalhekk għandu jispjega l-futur tagħhom.

Il-Ministru Joe Mizzi wieġeb li poġġa kopja tal-ftehim dwar is-supply mal-Electrogas li sar għal 17-il sena fuq it-tariffi iżda l-banek talbu seciurity of supply għal 25 sena. Hu qal li t-tmexxija qed issir mill-Maltin u li m’hemm xejn dwar id-dubji.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-gvern ma baqax juża’ l-HFO,l-Enemalta qed taqla €40 miljun u saret mutur tal-ekonomija u li l-Enemalta għandha dritt tixtri minn fejn trid. Lejn il-pajjiż resqu 14-il bank internazzjonali biex jiffinanzjaw il-proġett. Il-Gvern ġab investiment ta’ €320 miljun għall-Enemalta, li qabel kienet falluta u tisma €1. Hu qal li kien imur iċ-Ċina biex il-proġett ikun implimentat. Dwar il-ħaddiema, il-Ministru Mizzi qal li l-ħaddiema kollha marru tajjeb.

Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone intervjena u qal li mhux minnu li l-ħaddiema kollha marru tajjeb għaliex hemm min qed jaqla’ madwar €7,000 inqas.

Dwar il-prezz vantaġġjuż li tkellem dwaru, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-poplu qed iħallas €80 miljun inqas f’tariffi u ma jridx jidħol f’aspetti kummerċjali.

Fuq point of order id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-Ministru Mizzi qed jibqa’ jirrifjuta jgħid x’inhu u kemm hu dan il-prezz vantaġġjuż.

Fuq point of order ieħor Simon Busuttil qal li l-Ministru Konrad Mizzi ma weġibx il-mistoqsijiet tiegħu dwar is-17 Black u għaliex iċ-Ċiniz Cheng Cheng fetaħ kumpanija fil-British Virgin Islands meta kien hemm in-negozjati mal-Ministru Mizzi.

Il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ ma weġibx.