Koppja minn Kalifornja qed tinżamm taħt arrest wara li uliedhom, li jammontaw għal tlettax, instabu miżmuma fi stat ta’ priġunerija fir-residenza tagħhom. Dan meta skont ir-rapporti, il-pulizija li marru jinvestigaw sabu uħud minn dawn l-ulied ‘marbutin mas-sodod bil-ktajjen u l-katnazzi’.
Intant, il-koppja – David Allen Turpin, ta’ 57 sena u Louise Anna Turpin, ta’ 49 sena – qed jiffaċċjaw akkużi ta’ tortura u maltrattament tat-tfal sal-punt fejn poġġewlhom ħajjithom f’periklu. L-etajiet ta’ ulied il-koppja ivarjaw minn sentejn għal 29 sena, bir-residenza tal-familja tinsab fl-inħawi ta’ Perris, fix-Xlokk ta’ Los Angeles.
Il-Pulizija saru jafu b’dan il-każ mingħand waħda mill-vittmi tal-koppja, li minkejja l-età tagħha (17) għandha ‘id-dehra ta’ tifla ta’ għaxar snin’. It-tfajla, li rnexxielha taħrab, setgħet tuża telefon ċellulari li sabet f’dahra biex tikkuntattja lis-servizzi għall-emerġenza.
Meta marru fuq il-post, il-pulizija sabu ‘dar mudlama u mimlija bl-intejjen’ waqt li lemħu ‘diversi tfal marbutin bil-ktajjen mas-sodod’. Talanqas seba’ minn ulied il-koppja huma, fil-fatt, adulti bejn it-18 u d-29 sena, li saħħithom marret lura minħabba l-kundizzjonijiet li kienu kostretti li jgħixu fihom — u fejn il-ħarsien tal-iġene kien ineżistenti.
L-ulied, fil-preżent, qegħdin ikunu trattati fi sptarijiet tal-lokalità, fejn il-membri tal-istaff mediku ‘bilkemm jistgħu jemmnu biċ-ċirkustanzi tal-pazjenti’.
//= $special ?>

