Permezz ta’ azzjoni simbolika – t-tqegħid ta’ fjuri u ftit mumenti ta’ silenzju quddiem is-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet ddedikata lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu – t-tliet Membri tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, sellmu u l-memorja ta’ Caruana Galizia u qalu li mhux se jieqfu qabel titwettaq ġustizzja, bidla u kontabbilità.
Huma sostnew li min kien il-moħħ wara dan il-qtil għandu jinstab u ssir ġustizzja miegħu.
“Daphne Caruana Galizia nqatlet għaliex kien hemm min ried iwaqqafha milli tkompli tikxef il-verità,” sostnew l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista. Fi stqarrija, Casa, Metsola u Zammit Dimech qalu li l-qtil ta’ Caruana Galizia seħħ f’mument partikolari f’pajjiżna. “Il-qtil beda jiġi pjanat u twettaq meta kienet qed tikxef dettalji xokkanti dwar l-amministrazzjoni korrotta tal-Gvern. Għalhekk mhux sorpriżi li l-ġimgħa li għaddiet, l-Parlament Ewropew ppubblika rapport iebes dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta. Il-Prim Ministru għandu, tal-anqas, jirrispetti l-konklużjonijiet tar-rapport u jaġixxi. Madanakollu, hu qed jirrifjuta li jwettaq dmiru, għaliex hu responsabbli tal-falliment fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.”
It-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-istorja riċenti wriet li individwi jew organizzazzjonijiet li jkunu jridu jgħalqu ħalq jew jintimidaw lill-ġurnalisti jużaw żewġ metodi differenti: jew joqtlu lill-ġurnalist jew jibdew azzjonijiet legali f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea. Dawn l-affarijiet mhux se naċċettawhom. “Bħala rappreżentanti tal-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew, se nkomplu naħdmu biex nassiguraw li jidħlu fis-seħħ liġijiet Ewropew li jiproteġu lill-ġurnalisti fl-investigazzjonijiet tagħhom,” sostnew l-MEPs.
Huma temmew jgħidu li dak tal-lum hu biss simbolu u ringrazzjament lil Daphne Caruana Galizia. “Id-dover talab li nkunu Strasburgu llum, u għalkemm ma nistgħux nattendu l-vġili fil-Belt Valletta u Londra, nistiednu lil kulħadd biex jattendu, u jżomm l-ispirtu ta’ Daphne ħaj.”
//= $special ?>