Lokali

Monumenti madwar Malta mlibbsa flokk bl-aħħar kelmiet ta’ Daphne Caruana Galizia

Ilbieraħ filgħaxija, attivisti minn #OccupyJustice libbsu lill-monumenti, fosthom dawk ta’ Dom Mintoff, Guido de Marco u Winston Churchill bi flokkijiet li fuqhom hemm miktub l-aħħar kelmiet ta’ Daphne: “Crooks everywhere. The situation is desperate”.

Fi stqarrija l-attivisti ta’ Occupy Justice qalu lill-Prim Ministru li ‘anke l-mejtin qed jarawk, Prim Ministru; u l-istorja tiġġudikak’.

Fakkru li tliet xhur wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadu mhux magħruf min ordna biex iseħħ il-qtil u nsistew mal-Prim Ministru li mhux se jistrieħu qabel ma ssir ġustizzja.

Il-grupp qal li l-azzjoni li ħa #OccupyJustice dax-xahar hija tfakkira lill-Prim Ministru illi l-investigazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata konkluza u li l-legat li ser iħalli warajh ser tkun ta’ l-aktar gvern korrott li qatt kellha Malta.

In-nisa fakkru wkoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew li jgħid fost oħrajn li għandhom jitneħħew dawk il-politiċi li huma msemmija fil-Panama Papers.

“Prim Ministru x’qed tistenna biex tneħħihom? Meta se tieqaf tkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta? Għalfejn se tibqa’ żżomm dawn iż-żewġ persuni implikati f’atti serji ta’ korruzzjoni u tibqa’ tipproteġihom akkost ta’ kollox?” staqja l-grupp.

L-istqarrija ttem tisħaq bit-talbiet tagħha, jiġifieri għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li ddeskriviethom bħala “pupazzi tal-Gvern.”

“Dan hu n-nazzjon tagħna, din hija darna u aħna l-poplu. Nistennew aħjar, jixirqilna aħjar u rridu l-aħjar,” ittemm l-istqarrija.

Twaħħlu wkoll strixxuni fit-toroq isejħu biex tieqaf l-impunità issa.