Lokali

Muscat bi pressjoni interna fost sħabu s-Soċjalisti stess biex jirriżenja

Mhux eskluż li dikjarazzjonijiet li l-MEP Soċjalista Ana Gomes għamlet fil-konfront tal-Gvern Malti setgħu ħolqu pressjoni interni fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat, fost sħabu s-Soċjalisti, biex jirriżenja.

Hekk irrapporta l-ġurnal Ewropew Politico, li jsegwi mill-qrib il-politika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Il-ġurnal irrefera għar-Rapport tad-delegazzjoni mill-Parlament Ewropew, li appellat lill-Prim Ministru Muscat biex ineħħi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri mill-karigi daqstant viċini tiegħu.

Iżda d-determinazzjoni ta’ Muscat li ma jieħux dan il-pass jidher li qed iqanqal lil uħud mill-politiċi Soċjalisti biex jappellawlu jirriżenja minn Prim Ministru. Madankollu, Politico jgħid li aktarx li lanqas dan l-appell ta’ sħabu s-Soċjalisti ma hu se jintlaqa’ tajjeb mill-Gvern Malti.

 

Din il-pożizzjoni, issa anke fost sħabu tal-istess familja Ewropea, qed tikkonferma kemm il-pożizzjoni ta’ Muscat wara r-Rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ma niżlitx tajjeb. Dan partikolarment meta Muscat kien ikkwotat mill-media lokali li se jkun il-Gvern biss li jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.

Dan minkejja li r-Rapport tad-delegazzjoni Ewropea kien ċar fil-kundanna lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, partikolarment għall-kumpanija sigrieta tagħhom fil-Panama u għax qed jagħmlu minn kollox biex is-Saltna tad-Dritt ma sseħħx f’pajjiżna.

Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew appellat lill-Prim Ministru Muscat li jekk iżomm lil Mizzi u lil Schembri fil-karigi tagħhom, ikun qed inaqqar mill-kredibbiltà tal-Gvern tiegħu, filwaqt li jinċita l-perċezzjoni tal-impunità.

Dan jista’ jwassal biss għal aktar ħsara lill-Istat Malti, daqslikieku qed tkun appoġġjata l-kultura ta’ aktar attività kriminali, temm jgħid ir-Rapport.