Futbol Sport

OPEN TAL-AWSTRALJA – Iċ-champion Federer fir-rawnd li jmiss

Fit-tieni jum tal-Open tal-Awstralja, iċ-champion Roger Federer sabha faċli biex għadda għar-rawnd li jmiss hekk kif għeleb lil Aljaz Bedene 6-3 6-4 6-3.

It-tennista Żvizzeru kellu wirja mill-aqwa u din il-wirja tkompli tikkonferma kemm dan hu l-akbar favorit li jirbaħ l-ewwel Open tas-sena.

Federer, li dam 99 minuta biex rebaħ il-konfront issa jmissu jilgħab kontra l-Ġermaniż Jan-Lennard Struff.

It-tennista mis-Serbja Novak Djokovic irritorna għal logħob meta fl-ewwel rawnd rebaħ bi skor ta’ 6-1, 6-2, 6-4 kontra Donald Young. Djokovic, li għandu 30 sena kien qed jagħmel ir-ritorn tiegħu wara li għamel nofs is-sena li għaddiet barra minħabba injury fil-minkeb.

L-avversarju li jmiss għal Djokovic hu l-Franċiż Gael Monfils u bla dubju dan se jkun ostaklu ferm aktar delikat.

Tennista ieħor li rritorna minn injury kien Stan Wawrinka li għeleb lil Ricardas Berankis 6-3 6-4 2-6 7-6 (7-2). Wawrinka kien ġie operat f’irkopptu f’Lulju li għadda.

Fil-kategorija tan-nisa r-Russja Maria Sharapova għaddiet għat-tieni rawnd meta rebħet kontra l-Ġermaniża Tatjana Maria. Sharapova rebħet bi skor ta’ 6-1 6-4  kontra t-tennista li attwalment tinsab fis-47 post f’dawk li huma rankings mondjali.

Il-logħba kienet l-ewwel waħda għal Sharapova wara li din skontat sospensjoni ta’ 15-il xahar li kienet ingħatat wara li nstabet pożittiva għad-doping. Fir-rawnd li jmiss issa Sharapova jmissha tilgħab kontra Anastasija Sevastova.

In-numru wieħed fid-dinja Simona Halep għelbet lil Destanee Aiava 7-6 (7-5) 6-1, anke jekk waqt il-partita sofriet injury ħafifa fl-għaksa. Halep issa jmissha tilgħab kontra Eugenie Bouchard.

Sorpriża lbieraħ kienet l-eliminazzjoni ta’ Petra Kvitova li tilfet , 6-3 4-6 10-8 kontra by Andrea Petkovic.