“Qatt ma stennejt li se nsib xena bħal din” kienet din l-ewwel reazzjoni ta’ Chris Galea li tkellem esklussivament ma’ Net News dwar il-mument li kmieni t-Tnejn filgħodu, fil-bidu ta’ ġimgħa ġdida, sab quddiemu xena makabra tar-raġel Eġizzjan maqtul fi trejqa fl-Għarb Għawdex, qrib ir-razzett tiegħu u ta ħutu. Il-post fejn instab il-katavru jinsab qrib il-Kappella ta’ San Dimitri.
Chris spjega li kif jagħmel kull filgħodu, hu nizel ir-razzett u għall-ħabta tat-7:45a.m hu ħareġ passiġġata qasira fl-għelieqi tagħhom kif jagħmel ta’ kuljum, kien hawn li ra papoċċa u kif resaq aktar qrib, sab xena li qatt ma basar li se jsib qrib ir-razzett tiegħu, dik ta’ katavru f’għadira demm.
Chris Galea sostna li kien maħsud b’din ix-xena u qatt ma basar li se jkollu jesperjenza xena bħal dik. Hu sostna li mill-ewwel ċempel il-Pulizija iżda bil-fixkla flok ċempel fuq in-numru tal-emerġenza 112, ċempel fuq in-numru 119 u rrispondew minn Malta. Ftit wara waslu l-Pulizija fejn ġie stabbilit li r-raġel inqatel. Aktar tard fuq il-post waslet ukoll il-mara tal-vittma, Christiana Vella, li hi Għawdxija, u identifikat il-katavru.
Ir-raġel Eġizzjan, missier ta’ żewġt’itfal, inqatel b’żewġ tiri fuq il-post. Hu kien jaħdem bħala kahhal u bħalissa l-investigaturi qed jippruvaw jistabilixxu l-mottiv tal-qtil, jekk hux relatat max-xogħol tiegħu jew inkella kienx hemm xi mottiv ieħor.
Il-Karozza tal-vittma instabet ipparkjata aktar tard fi triq Fortunato Mizzi fir-Rabat Għawdex, triq prinċipali li tagħti għal Triq ir-Repubblika.
//= $special ?>