Lokali

Radio 101 b’maratona oħra ta’ għoti tad-demm

Minn żmien għall-ieħor, nisimgħu l-appell miċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm dwar l-importanza li min jista’, jagħti d-demm.

B’dawn l-appelli f’moħħu, il-preżentatur ta’ Radio 101 George Galea qed jerġa’ jorganizza maratona oħra ta’ għoti ta’ demm imqassma fuq żewġ nofs ta’ nhari. Bħal fid-drabi ta’ qabel, il-maratona se ssir fl-istudios ta’ Radio 101.

F’kumment lil NET News, George Galea fakkar kif min jagħti pinta demm, jista’ jsalva saħansitra tliet ħajjiet. U dan kollu fi proċess ta’ madwar 30 minuta biss. L-attività se tinżamm is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin bejn it-8am u s-1pm.

L-inizjattiva ta’ George f’isem Radio 101 bdiet ftit aktar minn tliet snin ilu, bl-ewwel edizzjoni ta’ din il-maratona saret fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta. B’Maratona suċċess wara l-oħra, Radio 101 qed jerġa’ jagħmel din l-inizjattiva biex ixerred dejjem aktar l-appelli ħalli min jista’, jagħti d-demm.

Min jista’ jattendi għal din l-attività, hu mitlub jibgħat SMS fuq 79703886. Iżda min għal xi raġuni ma jistax jagħti d-demm f’dawn il-jiem, jibqa’ mistieden iżur iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, li jiftaħ kuljum sas-6pm quddiem l-Isptar San Luqa.