Sport Waterpolo

Sliema u Neptunes jikkwalifikaw għall-play-offs tal-Enemed Cup

Sliema Frank Salt u Neptunes Leo Vegas se jkunu qed jilagħbu kontra Sirens Greentube u San Ġiljan Tum Invest rispettivament wara li rebħu l-logħbiet tagħhom. Sirens u San Ġiljan qabżu din il-fażi minħabba li temmew l-ewwel fażi fl-ewwel żewġ postijiet.

Sliema jegħlbu l-isfida ta’ Exiles

SLIEMA FRANK SALT……..6

EXILES JETFREIGHT………5

(0-1), (4-3), (2-0), (0-1)

Sliema Frank Salt irnexxielhom jirkupraw minn bidu kajman biex għelbu l-isfida missielta ta’ Exiles Jetfreight 6-5. Sliema spiċċaw rebbieħa minkejja li kellhom diversi plejers nieqsa.

B’din ir-rebħa s-Slimiżi għaddew għal play-off oħra u se jilagħbu kontra Sirens Greentube biex jiġi deċiż min se jilgħab il-finali. Exiles jilagħbu għal ħames u s-sitt post.

Huma bdew tajjeb b’gowl uniku ta’ Kurt Griscti fit-tieni parti tal-ewwel sessjoni. Sliema kienu qed jiġru wara r-riżultat u rnexxielhom itemmu t-tieni sessjoni 4-4, wara li ġabu d-draw fi tliet okkażjonijiet.

Sliema rnexxielhom imorru fil-vantaġġ wara l-mistrieħ b’żewġ gowls fl-ewwel parti tat-tielet sessjoni, skorjati minn Jerome Gabarretta u Zach Mizzi rispettivament. Sean Xerri de Caro ħalla lil Exiles fil-logħba fl-aħħar sessjoni.

Huma baqgħu jippruvaw sal-aħħar u saħansitra kellhom ċans tajjeb fl-aħħar attakk wara li tkeċċa Kai Dowling bi 42 sekonda għat-tmiem, deċiżjoni li qajmet protesti mill-kowċ ta’ Sliema Sergio Afric. Madankollu Exiles naqsu li jtemmu l-azzjoni b’xutt biex Sliema żammew il-pussess fl-aħħar sekondi.

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (1), D. Fenech, M. Meli, M. Carani, M. Cordina (1), Z. Galea Mule, Z. Mizzi (2), N. Bugelli (2), A. Theuma, K. Dowling

Exiles: M. Castillo, K. Navarro, A. Bianchi, L. Felice, T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (2), M. Fenech, K. Griscti (1), N. Paris (1), A. Cousin, B. Lanzon, J. Bajada, A. Xuereb

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Neptunes jirbħu mingħajr diffikultà

NEPTUNES LEO VEGAS…….10

VALLETTA UNITED……………3

(3-2), (2-0), (3-0), (2-1)

Neptunes Leo Vegas se jkunu qed jilagħbu kontra San Ġiljan Tum Invest fil-play-off l-oħra wara li mingħajr diffikultà għelbu lil Valletta United. It-tim ta’ Nenad Navarin ikkontrolla l-logħba tajjeb, bil-plejers ta’ Neptunes idawru aħjar il-ballun biex setgħu joħolqu aktar spazji.

Neptunes rebħu l-ewwel sessjoni 3-2, b’Valletta jġibu d-draw momentarju f’żewġ okkażjonijiet. Gowls minn Jordan Camilleri u Matthias Azzopardi fit-tieni sessjoni, taw vantaġġ tajjeb lil Neptunes li daħlu jistrieħu 5-2.

L-andament tal-partita baqa’ kalm, b’Neptunes jikkontrollaw il-logħob iżda komplew ikabbru l-vantaġġ bi tliet gowls oħra mingħajr risposta. Il-gowls waslu minn Niki Lanzon u doppjetta ta’ Miguel Zammit. L-aħħar sessjoni kienet biss formalità b’Neptunes jirbħu wkoll l-aħħar sessjoni.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), S. Busuttil, G. Pace, M. Martellacci, M. Lanzon, N. Zammit (1), J. Camilleri (2), J. Culic, M. Zammit (4), M. Tabone, M. Azzopardi (1), F. Buhagiar

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, L. Calleja, N. Farrugia, R. Scerri (1), R. Mock, D. Paolella, N. Bonello Ghio (1), D. Saliba, A. Agius, K. Galea (1)

Referees: Stefan Licari, Peter Balzan

Logħob li jmiss

Is-Sibt

Play-offs – semifinali

Sliema v Sirens                4.15pm

Neptunes v San Ġiljan   5.30pm