Futbol Sport

Waslet il-festa iżda mhux għal Valletta FC

"Anke l-Kunsill Lokali tal-Belt ġie mwarrab bil-pulit"

Fit-tournament tal-futbol tal-Valletta 2018 il-klabb Valletta FC mhux se jkun qed jipparteċipa għaliex ġie imwarrab.

Fuq Facebook, id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech spjega kif Valletta FC lanqas biss ġew mistiednin għal dan l-avveniment tal-V18. It-tournament ġie imniedi ilbieraħ.

“Ma kienx biżżejjed li z-zoni residenzjali fejn jgħixu l-Beltin ġew injorati u minsija totalment. Issa bil-V18 hemm min qed jittanta jumiljana wkoll”, kiteb Claudio Grech.

Il-Viċi Sindku tal-Belt Chris Micallef saqsa għalxiex qed jiġri dan kollu. “Sfortunatament kollox jindika li kif il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta (membru fundatur tal-fondazzjoni Valletta 2018) qed jitwarrab bil-pulit minn min għandu nteress li jarana barra, issa anke entitajiet Beltin, f’dan il-każ il-klabb tal-futbol li hu l-aktar ħaġa li jgħaqqad lil kull Belti (irrelevanti mill-kulur politiku li wieħed iħaddan) qiegħed jitwarrab u jkun eskluż b’dettrement għan-nies tal-Belt Valletta li tant għandhom għal qalbhom lill-klabb ta’ Valletta FC. Kont qed nistenna li din tkun tassew festa ta’ ċelebrazzjoni mingħajr ma neskludu lil ħadd, wisq aktar lill-Beltin”, qal Micallef.

Intant, wara kritika qawwija mis-supporters tal-Belt jidher li illum wara nofsinhar kien hemm komunikazzjoni mal-klabb tal-Belt.

Sal-lum għad mhemmx stedina biex il-klabb jipparteċipa.