Lokali

Appell biex tinfetaħ inkjesta dwar il-privatizazzjoni tas-settur tas-saħħa

Fi stqarrija Awturi ghall Malta Gdida u n-netwerk tas-socjeta civili sahqu li bl-informazzjoni ġdida li ħarġet dwar il-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare lil Steward Healthcare, Awturi appellaw lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, biex jiftaħ inkjesta dwar il-privatizzazzjoni tas-settur tas-saħħa f’Malta u Għawdex.

Sahqu li s-sens komun jgħid li qatt ma kellu jsir dan il-ftehim ma’ kumpanija mingħajr esperjenza fil-qasam tas-saħħa, aħseb u ara ma’ kumpanija li tinħeba wara l-liġijiet ta’ ġurisdizzjoni sigrieta tal-British Virgin Islands. Biex tkompli tgħaxxaq, il-Gvern flok wera trasparenza fil-bejgħ tal-isptarijiet, ħeba l-kuntratti mill-pubbliku u għadu sal-lum jirrifjuta li jieħu azzjoni fil-każ.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne rrifjuta li jwieġeb dwar dan il-bejgħ minħabba li ma ffirmax il-ftehim hu. Madanakollu nisħqu li huwa Fearne, fl-irwol uffiċjali tiegħu, li għandu l-aktar saħħa politika li jirranġa l-ħsara qabel ma ssir permanenti.

Awturi jappellaw lill-Ministru Chris Fearne biex jieħu passi legali kontra Vitals Global Healthcare abbażi tal-kuntratt miksur bejn il-Ministeru u l-kumpanija, iwaqqaf il-ftehim bejn VGH u Steward Healtcare u jsejjaħ inkjesta indipendenti fil-ftehim oriġinali mal-VGH kif ġie iffirmat mill-Ministru Konrad Mizzi.