Rugby Sport

Eddie Jones iġedded il-kuntratt bħala kowċ nazzjonali Ingliż tar-Rugby

Il-kowċ nazzjonali Ingliż ilu fit-tmexxija tat-tim mill-2015 (Ritratt: Sky Sports)

Eddie Jones estenda l-kuntratt tiegħu biex jibqa’ fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Ingliż sa Awwissu tal-2021. Il-kuntratt ta’ Jones kien jiskadi wara t-Tazza tad-Dinja tal-2019 fil-Ġappun. Il-ftehim il-ġdid għandu klawsola li jiddependi mir-riżultati tal-Ingilterra fl-akbar tournament fir-Rugby.

L-Assoċjazzjoni Ingliża ħabbret  ukoll li qablet biex tibda proċess għall-ħatra tas-suċċessur ta’ Jones, bl-għan li jitħabbar kowċ sa tmiem l-istaġun 2019/2020 li se jaħdem flimkien mal-Awstraljan sas-sajf tal-2021, qabel ma jmexxi t-tim għat-Tazza tad-Dinja tal-2023 li se ssir fi Franza.

“Li mmexxi lit-tim Ingliż kienet ħolma u kont kuntent li kont mitlub biex nibqa’ wara t-Tazza tad-Dinja tal-2019. Jien kont kompletament iffukat biex nibni tim kapaċi li jkun l-aqwa fid-dinja u jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2019,” qal Jones.

Hu kompla jgħid li qatt ma ħa l-irwol ta’ kowċ tal-Ingilterra faċilment u ma ħasibx li se jkun mitlub jibqa’. Jones saħaq li se jkompli jaħdem kemm jista’ biex jagħmel it-tim nazzjonali Ingliż l-aqwa fid-dinja.

Jones se jħabbar l-iskwadra Ingliża tas-Six Nations illum. Huma jibdew jiddefendu t-titlu kontra l-Italja fl-4 ta’ Frar f’Ruma.  Taħt Eddie Jones, l-Ingilterra rebħet 22 minn 23 logħba f’logħbiet Test. Hu kien ħa t-tmexxija tat-tim mingħand Stuart Lancester wara li l-Ingilterra kienet eliminata mit-Tazza tad-Dinja tal-2015.

Tags