Lokali

FILMAT: Raġel arrestat f’azzjoni ta’ infurzar – sekwestrati għexieren ta’ tjur

Il-Pulizija tarresta raġel u tiġbor numru ta' tjur

Raġel residenti Ħal Balzan ġie arrestat wara li rreżista lill-Pulizija, fost theddid u tgħajjir, hekk kif uffiċjali minn diversi dipartimenti wettqu azzjoni ta’ infurzar fuq sit li kien qed jokkupa għat-trobbija tal-annimali.

Philip Borg kien ilu għall-aħħar snin juża fabbrika abbandunata li kienet tintuża għall-manifattura tal-għamara f’post barra miż-żona tal-iżvilupp, li tinsab fl-Imrieħel, faċċata tal-Ambaxxata Libjana.

Fil-post, l-uffiċjali sabu għexieren ta’ tjur ta’ speċi differenti, fosthom tiġieġ, ħamiem, pappagalli u tjur eżotiku ieħor li ġew iċċekkjati għall-kundizzjoni tagħhom qabel ittieħdu lejn l-Għammieri. Instab li dawn l-annimali kienu qed jinżammu f’numru ta’ gaġeġ, uħud minnhom żgħar, iżda fuq kollox fi ħmieġ kbir.

Fil-post intalbet ukoll l-għajnuna ta’ kuntratturi li bil-makkinarju tagħhom bdew ineħħu diversi ħitan matul il-passaġġ qalb l-għelieqi li jagħti lejn l-istruttura tal-fabbrika.

Il-post fiż-żmien kien jintuża bħala fabbrika tal-għamara iżda fis-sena 1987 din il-fabbrika kellha titwaqqa’ b’ordni tal-qorti, xi ħaġa li ma saritx.

Ir-raġel arrestat mhux wiċċ ġdid għad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Fl-2012, uffiċjali tal-istess dipartiment kienu ntalbu jieħdu azzjoni fir-residenza privata tiegħu.

Dan wara li nstab li kien qed iżomm madwar 49 kelb u numru ta’ annimali eżotiċi f’kundizzjonijiet ħżiena. Dakinhar ukoll, Borg kien irreżista verbalment, għalkemm finalment ta aċċess lill-uffiċjali.

Fil-proċeduri fil-Qorti, Borg kien iddeskriva lill-annimali bħala uliedu u qal li kellu post ieħor fejn seta’ jżommhom, b’riferenza għall-istess fabbrika li kien qed jokkupa.

Bl-azzjoni ta’ infurzar ta’ llum, l-istrutturi kollha fis-sit se jitneħħew biex mill-ġdid iż-żona tirritorna bħala waħda agrikola.