Lokali

Jitwaqqaf working group dwar id-dimensja

Hu kkalkulat li sas-sena 2050, l-ammont ta’ persuni ta’ 65 sena ‘l fuq se jirdoppja għal total ta’ 30% tal-popolazzjoni totali ta’ pajjiżna.

Bl-età li hi fattur ewlieni li twassal għad-dimensja, hu mistenni li l-inċidenza ta’ din il-kundizzjoni se tiżdied.

Illum-il ġurnata f’pajjiżna hu kkalkulat li hawn mas-6,000 persuna li jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja. Iżda kif jispjega l-Professjur Charles Scerri, National Focal Point dwar id-Dimensja, l-istrateġija nazzjonali dwar id-dimensja trid tħares ukoll lil ferm iżjed nies affettwati, fosthom qraba u carers.

Għal dan l-għan, taħt it-tmexxija tal-Professur Charles Scerri, ġie ffurmat grupp li jinkludi wkoll lill-Professur David Mamo, kif ukoll Dr Anthony Scerri u Dr Christian Borg Xuereb, Patick Vella, Alex Gobey u Daniel Grima.

Il-grupp jibni fuq it-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Dimensja, li saret f’April tal-2015. Strateġija li l-għan tagħha hu li jiżdied l-għarfien, it-taħriġ u s-servizzi bl-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja u min jassistihom.

Fl-aħħar sentejn, twaqqaf ukoll Dementia Intervention Team bi profesjsjonisti li jassistu lil min għaddej mill-esperjenza tad-dimensja, infetaħ ċentru ta’ attivitajiet f’Għajnsielem u ġie ppubblikat materjal differenti b’informazzjoni dwar id-dimensja.

Dan minbarra kors f’livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta speċifikament dwar l-Anzjanità u l-Istudju dwar id-Dimensja.