Il-Pulizija fi Newcastle arrestaw sitt persuni li huma parti minn grupp kriminali mil-Litwanja. Dan fuq is-suspett li kienu qed iżommu xi rġiel bħala skjavi biex imorru jiġbru ħwejjeġ li suppost kienu għall-karità.
Instabu wkoll 12-il persuna li hu mifhum li kienu qed jinżammu bħala skjavi mill-grupp.
Ir-raids saru wara investigazzjoni li kienet ilha sejra sena fuq grupp kriminali mil-Litwanja. Hu ssuspettat li l-grupp kien jibgħat lil dawn l-iskjavi madwar Newcastle jiġbru donazzjonijiet ta’ ħwejjeġ. Dawn il-ħwejjeġ imbagħad kienu jintbagħtu f’fabbrika f’North Shields biex imbagħad jintbagħtu barra l-pajjiż biex jinbiegħu.
Dawk li kienu jagħmlu x-xogħol kienu jinżammu f’kundizzjonijiet mill-agħar u l-ħajja tagħhom ikkontrollata mill-grupp kriminali.
Skont is-Superintendent Steve Barron, li mexxa l-ħidma tal-Pulizija, spiss il-gruppi karitatevoli lanqas kienu konxji li kienu qed jittrattaw ma’ gruppi kriminali. Barra minn hekk, hu qal li spiss dawk li jkunu qed jiġu abbużati b’dan il-mod lanqas ikunu konxji li tkun qed tinkiser il-liġi bil-mod kif ikunu qed jiġu stmati u kemm ikunu qed jitħallsu għaliex il-flus ikunu aħjar minn dak li kienu qed jaqilgħu f’pajjiżhom.
Il-Pulizija temmen li n-negozju li kien imexxi l-grupp kien leġittimu imma kien qed iservi ta’ skuża għal attività kriminali.
Il-grupp kien jixtri eluf ta’ basktijiet tal-karità minn fejn seta’, biex imbagħad dawn jitqassmu lill-ħaddiema, li mbagħad imorru għand il-pubbliku bihom biex jimtlew bil-ħwejjeġ. Il-ħwejjeħ li jinġabru, imbagħad, jinbiegħu madwar id-dinja bil-grupp jagħti parti mill-qliegħ lill-gruppi tal-karità u jżomm il-kumplament għalih.
Il-Pulizija qalet li l-gruppi tal-karità ma kinux ikunu konxji li l-ħaddiema kienu vittmi ta’ skajvitù.
Kienu jżommu ħaddiema bħala skjavi


