Il-Union Maltija tal-Għalliema qed titlob lill-Gvern biex jibda investigazzjoni biex isir magħruf kif il-figuri finanzjarji dwar il-ftehim kollettiv għall-għalliema ġie żvelat lill-midja kontra dak maqbul.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet deskritta bħala turija ta’ għaqda bejn il-membri, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li l-Gvern baqa’ jinsisti li ma tkunx hi li tippubblika ċ-ċifri u kien għalhekk li l-ftehim ġie ppubblikat b’sitt paġni nieqsa.
“Ipprintjajnieh hekk minħabba direttiva tal-Gvern, li beda jinsisti li ma nipprintjawx il-financials. Sal-aħħar ħin, sal-aħħar minuta meta qed nipprintjawh, għadna f’kuntatt mal-Gvern nitolbu biex nipprintjaw il-financials għaliex konna nafu li l-informazzjoni qed toħroġ,” iddikjara Bonnici.
Kompla: “Il-Gvern baqa’ jgħidilna le, tipprintjawx il-financials miegħu. Aħna għalhekk tajna l-persentaġġi, għax matul dan il-proċess kollu l-Gvern ma riedx li aħna noħorġu l-ebda figura netta kif kienet.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Bonnici ddikjara li l-MUT tinsab f’din is-sitwazzjoni, fejn issa se tinħoloq union ġdida taħt il-kappa tal-UĦM, kawża ta’ din il-kundizzjoni mposta fuq l-MUT.
“Aħna qed nitolbu investigazzjoni għaliex aħna mxejna mad-direttiva kif tahielna l-Gvern. Id-dokument li ħareġ mhux id-dokument tagħna, għaliex tagħna ffirmat u nafu eżattament il-paġni kif inhuma. Bħalma d-dokument tagħna ħareġ għall-pubbliku, l-ewwel nett jinvestiga għaliex aħna mxejna mad-direttiva u ħaddieħor ma mexiex, u t-tieni ħaġa kull dokument għandu jkun ippubblikat bl-istess mod,” stqarr Bonnici.
Bonnici kompla li fl-opinjoni tiegħu, il-Gvern sforza lill-MUT biex ma toħroġx iċ-ċifri, imma taħdem bil-persentaġġ, biex il-Gvern ma jsibx problemi meta jinnegozja ftehim ieħor għal professjonisti oħra.
Il-ftehim kollettiv għall-edukaturi wassal għal żidiet fil-pagi, imma wkoll Work Resources Fund u allowances oħra, introduzzjoni ta’ allowance għal Supply u fir-Resource Centres u Learning Centres, u allowance għal min hu shared f’iktar minn skola waħda, żieda l-iSpecial Leave u l-possibbilta’ li dan jittieħed mal-vaganzi.
Żdied ukoll in-numru ta’ vaganzi, it-taħriġ kollu ser isir fil-ħin tax-xogħol, saret reviżjoni tan-numru ta’ studenti fil-klassi, ġie stabbilit limitu tan-numru ta’ skemi ta’ tagħlim li jista’ jkollu għalliem u issa hemm ratios aħjar ta’ superviżjoni.
L-MUT ċaħdet li se jitwalu l-ħinijiet tal-iskola, li xi gradi se jintalbu jirrappurtaw għax-xogħol fis-sajf jew li se jitkeċċew xi LSAs u li mhux se jitħallew jagħmlu superviżjoni fil-break.
Meta kien qed jitkellem dwar tliet riżenji mill-kunsill tal-MUT, Marco Bonnici allega li dawn kienu qed joħorġu dettalji tal-laqgħat tal-Kunsill. Żvela wkoll li waħda minnhom qed tiġi nvestigata mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni wara li naqset milli tagħti numru ta’ lezzjonijiet bi skuża li kienet qed tagħmel xogħol għall-MUT.
//= $special ?>