Lokali

Malta titlef 16-il post fil-klassifika dwar id-demokrazija u l-libertà

Il-bejgħ tal-Passaporti u l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia fost ir-raġunijiet għaliex

Pajjiżna tilef 16-il post u issa jinsab fit-33 post fil-klassifika dwar id-demokrazija u l-libertà. L-istħarriġ ta’ kull sena jsir mill-aġenzija Amerikana Freedom House, li tħares lejn l-istat tad-demokrazija u l-libertà f’195 pajjiż u 14-il territorju madwar id-dinja.

Meta jħares lejn Malta, l-istħarriġ juri kif fl-2017, pajjiżna tilef erba’ punti u minn 96, niżel għal 92. L-uniċi pajjiżi li marru agħar minna huma l-Gabon, it-Tuneżija, il-Kongo, it-Tanzanija, it-Turkija u l-Gżejjer tal-Maldivi.

Skont il-ġurnal The Times of Malta, li analizza l-istħarriġ u kkwota kelliema għal Freedom House, dan it-tnaqqis fil-punti għal Malta rriżulta minn numru ta’ fatturi li seħħew fis-sena li għaddiet.

Fil-fatt, il-kelliema tal-aġenzija Amerikana qalet lill-ġurnal li pereżempju, il-qtil tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia żgur li ħalla l-impatt tiegħu fuq il-pożizzjoni ta’ Malta għax dan il-każ inkwieta lilhom ukoll.

Madankollu, ma’ dan il-każ żiedet ukoll numru ta’ fatturi oħrajn, fosthom il-proċess tal-bejgħ tal-Passaporti għax, skont l-aġenzija, ikaxkar miegħu nuqqas qawwi ta’ trasparenza. Ma tonqosx ukoll ir-referenza għan-nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratti pubbliċi.

L-uniċi tliet pajjiżi li kisbu 100 punt fl-istħarriġ huma l-Fillandja, in-Norveġja u l-Iżvezja, filwaqt li fl-aħħar postijiet hemm il-Korea ta’ Fuq, l-Eritrea u s-Sudan ta’ Isfel.