Sport Waterpolo

Sirens iħabbru l-barrani tagħhom għall-kampjonat tal-Waterpolo

Il-barrani l-ġdid ta' Sirens Nicolas Constantin Bicari meta kien jilgħab fil-Kroazja

Il-klabb tal-Waterpolo ta’ Sirens ħabbar uffiċjalment l-akkwist tal-internazzjonali Kanadiż Nicolas Constantin Bicari bħala l-barrani tagħhom għall-kampjonat nazzjonali tal-Waterpolo. Bicari hu l-captain tat-tim nazzjonali tal-Kanada.

Hu beda l-karriera professjonali fl-2012 meta kien akkwistat minn CN Marseille ta’ Franza. Wara żewġ staġuni fejn rebaħ il-kampjonat Franċiż, ingħaqad mal-klabb ta’ Jug Dubrovnik fil-kampjonat Kroat fejn kellu l-okkażjoni jilgħab ir-Regional Liga li fih jinkorpora t-timijiet balkaniċi f’tournament wieħed. It-tim tiegħu kien wasal sat-tieni post b’telfa fil-finali kontra Primorje.

Fiċ-Champions League tal-LEN, Jug Dubrovnik spiċċaw fir-raba’ post wara li kienu eliminati għal darba oħra minn Primorje. Wara staġun, hu reġa’ rritorna ma’ CN Marseille klabb li għadu miegħu sal-lum.

Dan l-akkwist se jkompli jgħin lil Sirens li żammew il-bażi tal-iskwadra li huma ż-żgħażagħ tal-klabb, flimkien mal-akkwist tal-veteran Edward Aquilina. Sirens bħalissa jinsabu impenjati fl-Enemed Cup fejn it-tim ta’ Sasko Popovski spiċċa l-ewwel fażi fit-tieni post b’ħames rebħiet u telfa kontra San Ġiljan. Is-Sibt li ġej huma jilagħbu l-play-offs kontra Sliema Frank Salt.