Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li għandu jingħata trattament mediku u mhux priġunerija lill-persuni li jkunu dipendenti fuq droga u li jkunu wrew impenn li jirriformaw ħajjithom.
Fid-dibattitu Parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) Ryan Callus tkellem dwar il-każ ta’ William Agius li kien sentenzjat tliet snin ħabs minħabba reat li wettaq 14-il sena ilu. Minn dak iż-żmien Agius għadda minn trasformazzjoni u ma reġax miss droga b’idu waqt li temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni.
Hu staqsa jekk is-sistema punittiva hix tgħin biex il-priġunieri joħorġu riformati mill-ħabs u sostna li William Agius mhux biss iġġieled il-ġlieda mad-droga iżda beda jgħin persuni oħra li kienu bħalu dipendenti mid-droga. Agius qal li hu lest jagħmel 10 snin li fihom darbtejn fil-ġimgħa jmur fl-iskejjel jitkellem dwar l-iskejjel tiegħu u jagħmel kors fil-pedagoloġija biex jikkomunika mal-istudenti.
Ryan Callus qal li hu żar lil William Agius fil-ħabs li kien imdawwar mill-familjari tiegħu u qallu li għandu xewqa. Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-ġudikant għandu jkollu l-possibbiltà li jqis dawn iċ-ċirkustanzi kollha għal ġustizzja riparattriċi.
Setgħet intużat ukoll il-maħfra presidenzjali, sostna Ryan Callus, li appella biex l-awtoritajiet jikkunsidraw sistema li jirriformaw lill-persuni minflok sistemi ta’ priġunerija li joħolqu rabja.
//= $special ?>