Sport Sport Ieħor

Valletta Subbuteo Club finalisti tal-Major of Rochefort fil-Belġju

Samuel Bartolo fl-azzjoni fil-Belġju

Il-klabb lokali ta’ Valletta Subbuteo Club spiċċa finalist tal-Major of Rochefort fil-Belġju li sar il-Ħadd li għadda. B’kollox ħadu sehem 29 tim fil-kompetizzjoni. Fil-finali huma tilfu 2-1 kontra t-tim Taljan F.Lli Bari Reggio Emilia li magħhom jilgħab il-Malti Massimo Cremona.

Valletta kellhom prestazzjoni tajba mill-bidu meta kkwalifikaw mill-grupp b’punti massimi u baqgħu javvanzaw sal-finali. It-tim Belti kien magħmul minn Derek Conti, Samuel Bartolo, Mario Camilleri, il-Belġjan Pascal Scheen u l-Ingliż Christian Short.

F’din il-kompetizzjoni, kien hemm aktar plejers Maltin li ħadu sehem ma’ timijiet barranin. John Zammit u Tristan Fenech kienu qed jilagħbu mat-tim Grieg Piraeus Lions TSC u Jason Pisani lagħab mat-tim Taljan Master Sanremo.

Ġurnata qabel saru l-kompetizzjonijiet individwali. Għal dawn il-kompetizzjonijiet ħadu sehem 181 plejer minn diversi pajjiżi fosthom pajjiżna li kellu għaxar plejers parteċipanti.

Fil-kategorija Open ħadu sehem ħames plejers Maltin. Derek Conti wasal sal-kwarti tal-finali fejn kien eliminat bix-shots 1-0 mit-Taljan Saverio Bari. Samuel Bartolo, Angelo Borg u Massimo Cremona waslu sal-aħħar 32, filwaqt li Tristan Fenech inqala’ fil-fażi tal-gruppi. Il-kategorija ntrebħet mill-Ispanjol Carlos Flores.

Erba’ plejers Maltin ħadu sehem fil-kategorija tal-Veterani. Charlie Aquilina wasal sas-semifinali fejn kien eliminat minn Gianfranco Calonico bl-iskor ta’ 4-0, bit-Taljan jirbaħ il-kategorija. Jason Pisani u Mario Camilleri nqalgħu bil-barrage kontra Carlo Alessi u Charlie Aquilina rispettivament. John Zammit kien eliminat fil-fażi tal-gruppi.

Jurgen Balzan wasal sas-semifinali tal-kategorija ta’ taħt id-19-il sena. Il-kategorija ntlagħbet b’format ta’ kampjonat fejn Balzan spiċċa fit-tielet post. Ir-rebbieħ tal-kategorija kien il-Belġjan Maxime Rairoux.