Lokali

Il-Kap tal-PN f’laqgħa mal-Unions fis-settur tal-kura medika

Il-Partit Nazzjonalista imħasseb bis-sitwazzjoni fil-qasam tas-saħħa

Il-Vitals qed titħallas €190,000 kuljum iżda mhix qed iġġorr ir-responsabbiltà tagħha fil-qasam tas-saħħa. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal-Unions fis-settur tal-kura medika.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa preokkupat bis-sitwazzjoni fis-settur tas-saħħa u jħoss li l-Ministru Chris Fearne għandu f’idejh l-għażla li jieħu lura it-tliet sptarijiet li l-Gvern għadda lil VGH. Huwa ġibed l-attenzjoni li t-trasferiment għand Stewards Healthcare Systems jidher li għadu ma seħħx għaliex il-bieraħ fil-Parlament il-Ministru Fearne qal li lest jippubblika l-kuntratt mal-Vitals ladarba jsir il-bejgħ lill-kumpanija l-ġdida.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru jrid jagħti l-kunsens tiegħu għal dan it-trasferiment u għalhekk għadu fiż-żmien biex jagħmel dak li huwa sewwa għall-Maltin u l-Għawdxin.

Adrian Delia qal li mhux talli ma kienx hemm penali kontra il-ksur tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, iżda talli min falla fil-proġett se jispiċċa jieħu l-flus u jaħrab.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u mid-deputati Stephen Spiteri, Maria Deguara u Mario Galea.