Lokali Parlament

Il-Ministru tas-Saħħa għandu quddiemu għażla biex jagħmel dak li huwa sewwa – Adrian Delia

Il-Ministru  Chris Fearne għandu s-saħħa u r-responsabbiltà li jagħti is-servizz tal-kura lura lill-familji Maltin u l-Għawdxin. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament il-bieraħ filgħaxija waqt id-dibattitu dwar il-qagħda fil-qasam tas-Saħħa.

Adrian Delia qal li l-Ministru tas-Saħħa kien ammetta pubblikament li dawk li sar il-kuntratt tal-isptarijiet magħhom kienu gidba, iżda issa l-awtorità qiegħda f’idejh stess u huwa għandu l-għażla li jreġġa’ l-kuntratt lura.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li n-nies qegħdin jistennew li l-Ministru Fearne jagħmel l-għażla t-tajba. Huwa qal li l-Oppożizzjoni temmen fit-tobba Maltin u fil-kapaċtà tagħhom u għalhekk tħoss li Malta għandha jkollha l-isptarijiet f’idejha.

Il-proġett tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet kien maħsub biex ifalli, qal Adrian Delia, filwaqt li staqsa min kien se jagħmel il-flus b’dan il-falliment. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bil-kuntratt li ffirma l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma’ Vitals Global Healthcare, jekk dawn ifallu u l-Gvern jieħu kollox lura, il-poplu jrid jippremjahom bi €80 miljun.

Adrian Delia qal li, bid-deal mal-Vitals, minn qasam ta’ kura u servizz għal min huwa l-aktar batut, is-saħħa saret qasam ta negozju u spekulazzjoni għal min huwa b’saħħtu. Meta jistgħana il-kbir se jinsteraq iż-żgħir, tenna il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-bejgħ ta’ St Luke’s, Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mhuwiex fl-interess tal-morda, qal Adrian Delia, u is-settur tas-saħħa f’pajjiżna qed ibati minħabba din il-konċessjoni. Huwa ta rendikont kronoliġiku ta’ kif seħħew l-affarijiet fil-qasam tal-kura, b’mod partikolari ta’ kif sar il-ftehim mal-VGH – kumpanija li ħadd ma jaf min hija.

  • Marzu 2013: l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ittieħed mid-dekasteru tal-Ministru għal Għawdex, dak iż-żmien Anton Refalo, u għadda għand il-Ministru Konrad Mizzi;
  • Lulju 2015: Konrad Mizzi jħabbar investiment minn Barts bi skola medika f’Għawdex li suppost kellha tilqa’ 5000 student;
  • Ġunju 2016: VGH jieħdu f’idejhom tliet sptarijiet meta l-Unions kienu għandhom ma ffirmawx il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema, bil-konsegwenza li dawn għadhom sal-lum ma jafux ma min huma mpjegati u ma’ min sejrin;
  • Awwissu 2016: Chris Fearne jinawgura servizz ta’ air ambulance li se jiswa lill-poplu €1 miljun fis-sena għal 30 sena, waqt li sa dak iż-żmien il-Gvern kien iħallas biss għal dak li juża bi spiża ta’ madwar €200,000 fis-sena;
  • Ottubru 2016 – il-Gvern iressaq fil-Kamra tad-Deputati verżjoni iċċensurata tal-kuntratt li ffirma ma’ VGH wara pressjoni mill-Oppożizzjoni;
  • Lulju 2017: jiġi żvelat li VGH se jitħallsu €70 miljun fis-sena għal 30 sena sħaħ, bi spiża ta’ €190,000 kull ġurnata anke jekk il-pazjenti mhuma qed jieħdu xejn lura;
  • Diċembru 2017: għaxart ijiem qabel daħlet id-direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus li kienet tikxef il-benefiċarji ta’ Vitals, dawn trasferixxew il-konċessjoni lil kumpanija oħra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Chris Fearne kellu raġun meta stqarr li d-deal ma’ Vitals kien wieħed falz, kien biss daħqa fil-wiċċ.

Huwa qal li l-Gvern ta tliet sptarijiet u minnhom daħħal biss €1. Mhux talli hekk, qal Adrian Delia, iżda talli VGH naqsu milli jonoraw il-kundizzjoni li jagħmlu investimenti ġodda. Meta ħadu f’idejhom l-isptarijiet, Vitals kienu ħabbru li se jżidu 130 sodda f’St Luke’s u Karin Grech; li jibnu sptar state-of-the-art f’Għawdex; u li jibnu skola medika, iżda minn dan kollu ma sar xejjn, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ara d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni hawn:

Il-kuntratt mal-VGH sar biex ifalli u xi ħadd idaħħal il-flus – Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia