Il-Papa Franġisku fuq l-ajruplan fi triqtu minn Santiago lejn Iquique, l-aħħar belt li żar fiċ-Ċilì, żewweġ żewġ membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan li kien qed jivvjaġġja fuqu.
Il-kopja ilha flimkien għal aktar minn 10 snin. Iltaqgħu għall-ewwel darba fl-ajru u issa żżewġu fl-ajru wkoll, u żewwiġhom il-Papa.
Il-koppja ilhom miżżewġin ċivilment mill-2010 iżda ftit jiem biss qabel kellhom jiżżewġu bil-Knisja, sar terremot u l-knisja fejn kellu jsir iż-żwieġ iġġarfet.
Illum, meta kienu qed jippużaw mal-Papa flimkien mal-membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan biex jieħdu ritratt, il-Papa staqsihom jekk kienux miżżewġa bil-Knisja u meta weġbuh fin-negattiv il-Papa nnifsu staqsihom jekk riedux li jżewwiġhom hu u huma ħatfuh fil-kelma. Dan kien l-ewwel żwieġ li qatt għamel xi Papa fl-ajru.
Il-Papa Franġisku qalilhom li din kienet ġrajja storika għax qatt ma kien hemm Papa li żewweġ lil xi ħadd fuq ajruplan fl-ajru. Il-mara staqsietu jekk hux veru ried iżewwiġhom fuq l-ajruplan u hu wieġeb li jekk riedu kien lest jagħmel dan.
Meta l-Papa staqsihom għal xhud huma għażlu lill-ogħla uffiċjal fuq l-ajruplan u biex ma jkun hemm ebda dubju dwar il-validita’ tas-sagrament, il-Papa talab lill-kardinali li qed jakkumpanjawh biex jiktbu d-dokumenti meħtieġa.
“Il-Papa mbagħad żammilna idejna f’xulxin, bierek iċ-ċrieket u żewwiġna f’isem Alla”, qal ir-raġel.
Dwar iċ-ċrieket il-Papa qalilhom li dawn ma għandhomx ikunu żgħar wisq għax inkella ikunu qishom tortura iżda anqas għandhom ikunu laxki għax ikun hemm ir-riskju li jitilfuhom.



