Għawdex Lokali

Il-Qtil f’Għawdex: Il-Pulizija għandhom filmati tal-Eġizzjan jidher jirkeb f’karozza ma’ persuna oħra

Qed issir tfitxija għar-raġel li rikeb miegħu l-Eġizzjan tard il-Ħadd filgħaxija

Il-Pulizija bħalissa għaddejja bi tfitxija għar-raġel li l-Eġizzjan li nqatel fl-Għarb Għawdex deher l-aħħar miegħu.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li l-Ħadd filgħaxija għall-ħabta ta’ nofsillejl, l-Eġizzjan, Walid Salah Abdel Mohamed, missier ta’ żewġt’itfal, deher fuq filmat tas-CCTV jirkeb f’karozza fir-Rabat Għawdex.

Il-katavru tal-Eġizzjan instab f’għadira demm it-Tnejn fit-7:45a.m. minn raġel li għandu razzett qrib il-Kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb. Ir-raġel inqatel b’tiri b’arma tan-nar mill-viċin.

Il-Pulizija ġabret il-filmati ta’ diversi kameras tas-sigurta’ li hemm fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat, it-triq prinċipali, fejn fil-filmat l-Eġizzjan jidher jipparkja l-karozza fl-istess triq. Il-Karozza nstabet fl-istess post fejn ir-raġel ipparkja l-karozza.
Fil-fimati, aktar tard ir-raġel jidher jirkeb karozza oħra, jidher jixgħel sigarett u jitkellem max-xufier tal-karozza. Wara xi ħin huma telqu bil-karozza.

L-Eġizzjan kellu każijiet pendenti relatati ma’ pussess u traffikar tad-droga.