Joseph Attard, ta’ 42 sena minn Tal-Pietà iżda residenti f’Ħal Għaxaq, kien akkużat li matul il-lejl bejn it-8 u d-9 ta’ Ottubru 2017 wettaq serqa mill-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina, f’Misraħ Gregorio Bonici, iż-Żejtun.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, l-akkużat Joseph Attard wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Joseph Attard ma ngħatax il-libertà proviżorja. Il-Maġistrat ordna biex l-imputat jibda jingħata trattament għal kontra l-vizzju tad-droga.
L-Ispettur Saviour Baldacchino ressaq sensiela ta’ akkużi serji fil-konfront ta’ Joseph Attard, fosthom li kkommetta serq ta’ artefatti, u ċioè żewġ kuruni tal-fidda minn fuq l-istatwa titulari kif ukoll xi flus f’muniti kontanti minn ġewwa l-kaxxi tal-għotjiet.
Akkuża oħra hi li kkaġuna dannu jew qered propjetà kulturali – u ċioè niċċa tal-Kunċizzjoni, u wkoll diversi artifatti u oġġetti sagri.
Joseph Attard kien mixli wkoll li volontarjament ħassar, għamel ħsara jew għarraq ħwejjeġ ħaddiehor, mobbli jew immobbli, u li l-ammont tal-ħsara jlaħħaq għal iżjed minn €2,500 għad-detriment tal-Arċipriet Dun Anton Cassar u/jew persuni jew soċjetajiet oħrajn.
Huwa kien akkużat ukoll li matul il-lejl bejn it-23 u l-24 ta’ Awwissu 2003, mill-Każin tal-Partit Nazzjonalista fi Triq Santa Katerina, fiż-Żejtun, ikkommetta serq ta’ diversi oġġetti, fosthom flus kontanti, apparat hi-fi u prodotti tat-tabakk.
Kien mixli wkoll li rrenda ruħu reċidiv permezz ta’ sentenzi mogħtija lilu mill-Qrati ta’ Malta, liema sentenzi saru definittivi u ma jistgħux jiġu mħassra jew mibdula.
//= $special ?>

