Ewropa Lokali Qorti Unjoni Ewropea

Miżuri ġodda biex jipproteġu t-tfal ta’ ġenituri internazzjonali milli jiġu sekwestrati

Francis Zammit Dimech isemmi l-każ ta' Malta fil-Parlament Ewropew u jfaħħar liġijiet ġodda

“Hu fundamentali li nsaħħu l-miżuri ħalli t-tfal ta’ ġenituri internazzjonali jiġu protetti milli jkunu ssekwestrati, speċjalment f’xenarju fejn qed jiżdiedu dawn it-tip ta’ familji. Il-ħarsien tat-tfal minn din it-tip ta’ ħsara dejjem kien wieħed mill-valuri intrinsiċi tagħna bħala Ewropej”.

Hekk qal il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech meta tkellem fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt dibattitu dwar kwistjonijiet relatati maż-żwieġ u s-sekwestru internazzjonali ta’ tfal.

Zammit Dimech qal li l-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward tirriżulta wkoll minn każ f’Malta, fejn tifel ta’ familja internazzjonali kien maħtuf minn wieħed mill-ġenituri, li pprova jieħu lill-iben barra mill-Ewropa.

L-MEP spjega li għalkemm il-minuri ġie rritornat f’Malta, il-proċess ma kienx wieħed sempliċi għax fil-bidu, id-deċiżjoni tal-Qrati Maltin dwar il-ġurisdizzjoni tat-tifel ma kinitx rikonoxxuta minn Qrati fi Stat Membru ieħor.

Francis Zammit Dimech qal li dawn huma stejjer reali għax f’diversi każi, is-sekwestru hu mmexxi minn ġenituri li jgħaddu minn separazzjoni jew divorzju, mhux biss minn barranin. Żied li dan kien eżempju ċar ta’ kif l-Ewropa tista’ tagħmel differenza fil-ħajja taċ-ċittadini, inkluż tat-tfal u tal-ġenituri, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

L-MEP Francis Zammit Dimech jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

Anke bħala membru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-Parlament Ewropew, Francis Zammit Dimech faħħar miżuri ġodda fir-Regolament imfassal mill-ġdid, li se jwassal biex ir-ritorn ta’ tfal sekwestrati jkun aktar effiċjenti, għall-introduzzjoni ta’ skadenzi stipulati biex jiġi evitat dewmien eċċessiv fir-ritorn tat-tfal, għal medjazzjoni li jiffaċilità l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim bonarju, għal taħriġ ulterjuri għal dawk involuti f’dawn il-każijiet, kif ukoll għall-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu riżorsi umani u finanzjarji adegwati lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli bl-obbligu li jisimgħu lit-tfal.

Hu kkonkluda billi faħħar inizjattivi ta’ organizzazzjonijiet bħall-Amber Alert, fejn it-tfal issekwestrati huma mfittxija bl-għajnuna tal-pubbliku, filwaqt li esprima sodisfazzjon li Malta kienet ukoll issieħbet f’din l-organizzazzjoni. Ikkonkluda billi enfasizza li f’każijiet bħal dawn, l-aktar importanti jibqa’ dak li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tat-tfal.