Il-GRTU, l-Assoċjazzjoni tan-Negozji Żgħar u Medji ħabbret id-dettalji ta’ stħarriġ li għamlet fost 200 negozju ta’ daqs żgħir u medju mifruxa madwar Malta u Għawdex. Jiġifieri negozji fil-Belt Valletta, l-Ħamrun, Tas Sliema, Raħal Ġdid, f’Għawdex u f’lokalitajiet oħra. Bin-negozji li pparteċipaw ivarjaw fil-prodott li joffru minn ħwejjeġ, sa affarijiet għad-dar, teknologija u oħrajn.
Il-punt prinċipali li ħareġ minn dan l-istħarriġ li ġie spjegat waqt konferenza tal-aħbarijiet kien li n-negozji qed jistennew li din is-sena jmorru aħjar mis-sena l-oħra f’dawk li huma profitti.
Mill-istħarriġ joħroġ li l-Maltin jibqgħu il-konsumaturi li l-aktar jixtru meta kkumparat mat-turisti li jżuru pajjiżna u anke meta mqabbel mal-barranin li jgħixu f’pajjiżna.
L-istħarriġ juri wkoll li ż-żmien ta’ festi affettwa l-bejgħ b’mod pożittiv l-aktar matul il-ġimgħa tal-Milied. Jissemma’ kif il-BlackFriday Weekend beda jaffettwa ċ-ċifri b’mod pożittiv.
L-istħarriġ juri li 43.5% tan-negozji qalu li l-bejgħ matul l-2017 żdied meta mqabbel mal-2016 imma kienu biss 32% raw żieda fil-profitti.
Il-GRTU spjegat wkoll li minn dan is-survey joħroġ wkoll li min iħaddem qed isib problema biex isib biżejjed ħaddiema li jkunu mħarrġa. Aspett negattiv li qed jesperjenzaw hu t-traffiku li qed jaffettwa l-prodott jew servizz li joffru, in-nuqqas ta’ infrastruttura li għandu l-pajjiż, is-sistema tal-punti tas-sewqan li qed taffettwa lil min jaħdem bħala xufier jew bħal per eżempju delivery persons, barranin li qed ibigħu prodotti b’mod illegali u n-nuqqas ta’ infurzar mill-awtoritajiet.
Problema oħra li l-GRTU trid li l-awtoritajiet jindirizzaw hi l-permess tax-xogħol għall-barranin, il-working permit għandu jibda joħroġ f’inqas żmien għaliex hawn barranin li xorta qed jaħdmu mingħajr permess u dawn mhux iħallsu taxxa.
Hawn il-GRTU semmiet kif trid li flimkien ma’ unions oħra taħdem fuq Business Register, biex ikunu jafu kemm hawn negozji u x’joffru dawn in-negozji.
//= $special ?>
