Hekk kif tkompla l-Open tal-Awstralja Simona Halep u Maria Sharapova kisbu rebħiet biex għaddew għar-rawnd li jmiss. Kontra kull mistenni Garbine Muguruza tilfet 7-6 (7-1) 6-4 kontra t-tennista numru 88 fid-dinja Hsieh Su-Wei.
Muguruza, li sena ilu rebħet l-Open ta’ Wimbledon dehret issofri fis-sħana tal-Awstralja u fl-ewwel set sofriet anke injury ħafifa f’saqajha. Hsieh Su-Wei issa jmissha tilgħab kontra Agnieszka Radwanska fit-tielet rawnd.
In-numru wieħed fid-dinja Simona Halep rebħet bi skor ta’ 6-2, 6-2 kontra Eugenie Bouchard f’ħin ta’ siegħa u seba’ minuti.
It-tennista mir-Rumanija li kienet sofriet injury fl-ewwel rawnd qalet li fil-logħba kontra Bouchard xorta waħda reġgħet ħassiet xi uġigħ imma għamlet sforz biex għaddiet għar-rawnd li jmiss.
Ir-Russa Maria Sharapova rebħet kontra t-tennista mil-Latvja Anastasija Sevastova bi skor ta’ 6-1 7-6 (7-4). Sharapova kellha bżonn siegħa u 20 minuta biex rebħet dan il-konfront biex issa jmissha tilgħab kontra l-Ġermaniża Angelique Kerber. Ta’ min jiftakar li din tal-aħħar, fl-2016, kienet rebħet l-Open tal-Awstralja.
Kerber iċċelebrat għeluq it-30 sena tagħha billi rebħet kontra l-Kroata Donna Vekic bi skor ta’ 6-4, 6-1. Karolina Pliskova sabitha faċli biex eliminat lill-Brażiljana Beatriz Haddad Maia hekk kif rebħet bi skor ta’ 6-1, 6-1 f’inqas minn tliet kwarti.
Hi issa jmissha tilgħab kontra Lucie Safarova li minn naħa tagħha rbebħet kontra Sorana Cirstea tar-Rumanija.
Il-Pollakka Agnieszka Radwanska, tennista li mill-aħħar erba’ edizzjonijiet ta’ dan l-Open waslet darbtejn sas-semifinali, eliminat lil Lesia Tsurenko tal-Urkajna bi skor ta’ 2-6 7-5 6-3.
Sorpriża kienet l-eliminazzjoni ta’ Johanna Konta li tilfet 6-4 7-5 kontra l-Amerikana Bernarda Pera.
Dan ir-riżultat ikompli jkabbar il-kriżi ta’ Konta li sa minn Lulju li għadda rebħet biss tliet partiti.