Lokali

AĠĠORNATA: Tfajla ta’ 19-il sena akkużata bl-attentat ta’ qtil ta’ seba’ persuni ma tingħatax il-ħelsien mill-arrest

Wara l-ġlieda kbira li seħħet fil-Ħamrun fl-ewwel Ħadd ta' Jannar It-tfajla ta' 19-il sena mill-Birgu qed tistenna tarbija

Natasha Bugeja ta’ 19-il sena mill-Birgu tressqet il-Qorti akkużata fost ohrajn bl-attentat ta’ qtil ta’ 7 persuni, fosthom ta’ tarbija ta’ 18-il xahar u tifla ta’ 7 snin fi ġlieda kbira fil-Ħamrun aktar kmieni din s-sena – fl-ewwel Ħadd tas-sena 2018.

Dakinhar, it-tfajla, li qed tistenna tarbija, kienet ġarbet xi ġrieħi fil-ġlieda tant li kellha tingħata l-kura l-isptar Mater Dei. Fil-ġlieda bejn żewġ familji kien hem involuti 10 persuni u allegatament matulha ntuża xi ħadid u kien hemm nies taħt l-influwenza tax-xorb.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, ċaħdet it-talba li t-tfajla tingħata l-ħelsien mill-arrest u minflok ordnat li t-tfajla tintbagħat il-ħabs fuq arrest preventiv.

Kien il-ġurnal in-Nazzjon li dalgħodu żvela li t-tfajla kienet se titressaq il-qorti llum.

Fis-sigħat li għaddew, il-Pulizija ikkonkludiet mhux biss l-investigazzjonijiet tagħha dwar dik il-ġlieda partikulari li fiha kienu weġġgħu wkoll xi persuni, iżda bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kienu  fformulati wkoll is-serje ta’ akkużi li bihom se tkun akkużata Natasha Bugeja.

Fiżikament dik il-ġlieda kienet bdiet fil-jum tal-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2018 għall-ħabta tas-6.30pm, fi Triq Joseph Abela Scolaro, ħdejn l-Iskola Maria Assunta, il-Ħamrun. Fiha kien hemm involuti mill-inqas għaxar persuni.

Il-ġlieda bejn iż-żewġ familji eskalat tant li f’ħin minnhom, karozza bdiet tinstaq fuq karozza oħra.

Fil-fatt, fil-post tal-ġlieda kienet instabet waħda mill-karozzi li ntużat fil-ġlieda u l-ħsarat kienu estensivi. Aktar tard fl-akkwati tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa instabet karozza oħra li jidher li kienet involuta fl-istess każ.

Dakinhar, aktar minn għoxrin pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun u mir-Rapid Intervention Unit kienu intervjenew fil-post u ħadmu biex jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni li kienet waħda vjolenti u aggressiva ħafna.

Waħda mill-familji involuti f’din il-ġlieda kellha wieħed mill-membri tagħha maqtul is-sena li għaddiet.

FILMAT: Tarbija u tliet nisa jittieħdu l-isptar wara ġlieda kbira fil-Ħamrun