Lokali

V18: “Qed naraw il-frott taż-żerriegħa li żrajna” – Lawrence Gonzi

Il-Ħamis filgħaxija l-ex Prim Ministru ta’ Malta u ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi sostna, waqt intervista fil-programm NET LIVE, li l-ftuħ ta’ nhar is-Sibt tal-Valletta 2018 huwa frott ta’ snin twal ta’ ħidma, pjan li beda lura fl-2008/09 taħt Gvern Nazzjonalista u kandidatura li ġiet akkwistata fl-2012.

Lawrence Gonzi saħaq li kollox ingħata bidu ftit wara li kien qiegħed Pariġi, fi Franza, jiddiskuti mal-Perit Renzo Piano dwar ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, meta feġġett l-opportunità għall-kandidatura tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.

Għalkemm kienet deċiżjoni diffiċli minħabba li Malta kienet għadha kemm ħierġha minn kriżi ekonomika xorta waħda, spjega l-ex Prim Ministru ta’ Malta, twaqqaf kumitat interministerjali fl-2009 għal din il-kisba. Huwa preċiża jgħid li dan kollu ma kienx ikun possibbli li kieku Malta ma saritx stat membru tal-Unjoni Ewropea.

Lawrence Gonzi insista li l-akbar sfida li kienu qed iħabbtu wiċċhom kienet li l-wirt taċ-ċelebrazzjonijiet tal- Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura jitgawda mhux biss fl-2018 iżda fis-snin ta’ wara wkoll, hekk kif l-idea oriġinali kienet li f’pajjiżna jinbet sens ta’ apprezzament għall-kultura Maltija, għall-għeruq ta’ dak kollu li jgħamilna Maltin u Mediterranji.

Huwa sostna li hija ta’ importanza kbira li wara dawn l-attivitajiet l-mentalità tkun inbidlet, li tinħoloq attività ekonomika fil-qasam kulturali, li l-artisti jkollhom aktar spazji fejn jeżibixxu xogħolhom. Lawrence Gonzi fakkar li t-titlu oriġinali ma kienx Valletta 2018 iżda Imagine 2018 għax, kif spjega l-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista, wieħed irid jimmaġina oltrè din is-sena hekk kif m’għandha qatt tkun sena ta’ ċelebrazzjoni biss u kollox jieqaf ħesrem, iżda għandu jkun wirt li jitgawda tul is-snin.

Lawrence Gonzi sostna li b’sodisfazzjon kbir jista’ jgħid li, “iż-żerriegħa li żrajna saret siġra kbira li qed tikber u qed naraw il-frott tagħha” hekk kif issa qiegħdin naraw ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta fl-aqwa tagħha; fost oħrajn is-sbuħija ta’ Pjazza San Ġorġ – li minn parkeġġ tal-karozzi saret spazju pubbliku fejn jistgħu jimirħu u jilgħabu t-tfal, il-ftuħ tad-daħla ta’ Bieb il-Belt, ir-restawr fuq is-swar u l-faċċata tal-Berġa ta’ Kastillja. Kif ukoll, il-Pjazza ta’ Tritoni, proġett ta’ Renzo Piano stess mfassal taħt Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami.

Filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma li saret bi tħejjija għal dan l-avveniment wara l-2013, Lawrence Gonzi saħaq li għad fadal xi jsir fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, fost oħrajn is-sħubija tad-‘Ditch’ tal-Kapitali – parti mill-proġett tal-Perit Renzo Piano.

Huwa ssokta jgħid li għalkemm il-bidla infrastrutturali hija essenzjali, il-bidla tal-mentalità dwar kif inħarsu lejn l-arti u l-kultura hija tal-istess importanza.