Internazzjonali

Disa’ mejta wara l-maltempata kbira li ħakmet l-Punent tal-Ewropa

Dortmund, IL-ĠERMANJA

Huma tal-anqas disa’ l-vittmi tal-maltempata kbira li l-Ħamis ħakmet partijiet tal-Ewropa. Maltemp li ġab miegħu riħ qawwi, li saħansitra wassal biex l-ajruport ta’ Schiphol f’Amsterdam, l-Olanda.
Tħassru wkoll ħafna vjaġġi bil-ferrovija fl-Olanda u l-Ġermanja minħabba t-temp li kien hemm, filwaqt li fl-Italja tħassru l-vjaġġi bil-baħar.
Il-maltempata fuq l-Oċean Atlantiku, imlaqqma Friederike mill-Ġermaniżi u David mill-Olandiżi, apparti l-Olanda u l-Ġermanja affettwat ir-Renju Unit, Franza, u l-Belġju. Fil-Ġermanja, il-maltemp ingħata klassifikazzjoni ta’ uragan bir-riħ jilħaq il-qawwa ta’ 130 kilometru fis-siegħa. Din kienet l-aktar maltempata qawwija li laqtet il-Ġermanja f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-maltemp issa resaq għal fuq il-Polonja.