Internazzjonali

Drama dwar bomba-finta f’ajruport tal-Istati Uniti

Seba’ membri ta’ crew televiżiv spiċċaw arrestati f’ajruport tal-Istati Uniti wara li huma, allegatament, ippruvaw jiġbdu filmat ta’ ‘metodu’ biex tkun tista’ tgħaddi bomba finta mis-servizzi tas-sigurtà tat-terminal.

L-inċident seħħ f’nofs il-ġimgħa fl-ajruport ta’ Newark Liberty, fi New Jersey.

Uffiċjali tat-trasport qalu li nstabet bagalja li kienet tinkludi oġġett ‘bl-elementi kollha ta’ tagħmir splussiv improvizzat’ qabel din setgħet tgħaddi mis-sigurtà.

L-istampa Amerikana qalet li l-crew kien parti minn reality show li kienet qed tħejji kumpannija tal-produzzjoni għas-CNBC.

Il-kumpannija — Endemol Shire North America — stqarret li qed tinvestiga l-inċident filwaqt li qed tikkoopera mal-awtoritajiet. L-istqarrija anki talbet ‘apoloġija għall-kaos u t-taqlib sussegwenti’.