Sport Waterpolo

Exiles iħabbru l-kowċ u l-barrani tagħhom

Il-club house ta' Exiles minn fuq

Il-klabb tal-Waterpolo Exiles Jetfreight ħabbar li laħaq ftehim mal-eks plejer tagħhom Marco Cuk biex jieħu t-tmexxija tat-tim għall-Kampjonat tas-sajf, bl-assistent tiegħu se jkun Kayne Lanzon li bħalissa qed imexxi t-tim fl-Enemed Cup.

Cuk lagħab f’Malta għal ħames snin, darbtejn ma’ San Ġiljan, darbtejn ma’ Exiles u darba ma’ Sliema.  Ma’ Exiles, Cuk lagħab l-ewwel darba fl-2011 fejn skorja 53 gowl minn 13-il logħba fil-kampjonat u 11-il gowl minn tliet logħbiet fin-knock-out fejn kien għen lil Exiles jaslu sal-finali tan-knock-out, wara li kienu eliminaw lil Sliema u tilfu l-finali 9-5 kontra Neptunes.

Marco Cuk se jkun kowċ ta’ Exiles għall-ewwel darba

Hu reġa’ ngħaqad magħhom fl-2015 fejn skorja 52 gowl minn 14-il logħba fil-kampjonat u erba’ logħbiet fin-knock-out. Sena wara kien ingħaqad ma’ Sliema b’total ta’ 32 gowl skorjat mat-tim Slimiż.

Exiles ħabbru wkoll li l-barrani tagħhom fil-Kampjonat tas-sajf se jerġa’ jkun iċ-Champion Olimpiku Slobodan Nikic li fil-karriera tiegħu rebaħ 29 midalja internazzjonali, bit-tama li jgħin lit-tim ikompli jibni fuq l-istaġun tas-sena l-oħra. Nikic li għandu 34 sena skorja 31 gowl fl-ewwel kampjonat tiegħu f’Malta u għen lit-tim jispiċċa fil-ħames post.

Slobodan Nikic lagħab ma’ Exiles is-sena l-oħra

Il-President ta’ Exiles Andrew Paris qal li jinsab onorat li jista’ jaħdem ma’ żewġ persuni professjonali u b’talent. Hu qal li Nikic kien suċċess kbir fit-tim is-sena l-oħra u ma kellhom l-ebda dubju biex jerġgħu jinnegozjaw ir-ritorn tiegħu, xi ħaġa li hu aċċetta. Dwar Marko Cuk, Paris qal li ħadem miegħu għal żewġ staġuni u żamm il-kuntatt miegħu matul is-snin. “L-għarfien tiegħu tal-logħba hi eċċellenti u l-esperjenza li għandu fil-waterpolo lokali se jkun ta’ valur għat-tim,” qal Andrew Paris.