Fernandinho ffirma kuntratt ġdid ma’ Manchester City li bih se jibqa’ mal-klabb sal-2020. Id-diskussjonijiet bejn City u Fernandinho ilhom għaddejjin għal numru ta’ xhur, bil-kuntratt preżenti tal-midfielder ta’ 32 kien jiskadi fi tmiem dan l-istaġun.
L-internazzjonali Brażiljan issa laħaq ftehim biex jibqa’ jilgħab fl-Etihad Stadium għal tal-anqas żewġ staġuni oħra. Fernandinho kien ingħaqad ma’ Manchester City mingħand Shaktar Donetsk għal somma ta’ kważi €34 miljun fl-2013.
Minn dakinhar, il-midfielder lagħab 212-il logħba mal-klabb fil-kompetizzjonijiet kollha. F’dan l-istaġun hu diġà lagħab 30 logħba fosthom 23 logħba fil-Premier League Ingliż. “Dan hu klabb b’futur fantastiku u rrid inkun parti minnu kemm jista’ jkun possibbli. B’Pep Guardiola fit-tmexxija, inħossni ċert li nistgħu nirbħu l-unuri u aktar importanti nippruvaw nilagħbu futbol attraenti u offensiv,” qal Fernandinho.
Hu faħħar lil Guardiola li skont hu għamlu plejers aħjar minn meta wasal Manchester. Aktar kmieni fl-istaġun hu kien qal li jtih motivazzjoni żejda li jibqa’ għaddej u jkompli li qed jagħmel bħalissa. Fernandinho saħaq li l-plejers kollha jridu jsegwu l-filosofija tiegħu bl-istess spirtu.
//= $special ?>