SAN ĠWANN…………..1
BIRKIRKARA………….2
San Ġwann: M. Bartolo, J. Azzopardi (N. Abouhaisa 93’), A. Cachia (L. Mallia 84’), S. Hili (M. Arieta 61’), A. Borg, R. Zammit, T. de Souza, S. Igundare, C. Gauci, K. Gatt, G. Blessing,
Birkirkara: K. Naumovski, C. Attard (G. Zammit 67’), F. Barbosa, N. Vukanac, K. Zammit, E. Herrera, M. Andelkovic, R. Scicluna, J. Grech, C. da Silva, S. Dimitrov (A. Attard 118’)
Imwissija: T. de Souza 71’, G. Blessing 75’, M. Bartolo 102’ (S), S. Dimitrov 80’ (B)
Skorjaw: G. Blessing 12’ (S), F. Barbosa 72’, C. da Silva 104’ (B)
Referee: Jude Amin Utulu
Assistenti Referees: William Debattista, Ryan Aquilina
Attendenza: 346
Birkirkara tħabtu aktar milli mistenni biex għelbu l-isfida ta’ San Ġwann 2-1 wara l-ħin barrani. L-Istripes iddominaw il-logħba mill-bidu sal-aħħar, iżda wara li sofrew gowl kmieni, spiċċaw jiġru wara r-riżultat partita sħiħa. Huma kellhom numru enormi ta’ okkażjonjiet iżda wara sagħtejn il-logħob irnexxielhom jakkwistaw dak li riedu, post mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni.
San Ġwann iddefendew b’għaqal u sofrew il-gowl tad-draw li seta’ ġie faċilment evitat. Minkejja li sfaw eliminati, it-tim tal-Ewwel Diviżjoni ħareġ mil-logħba b’rasu mgħollija wara prestazzjoni qalbiena. San Ġwann fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni denja tal-logħba. Kien passaġġ intelliġenti ta’ Alan Borg lejn Godwin BLESSING li ġera fl-ispazju u b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka għeleb lil Naumovski.
Birkirkara wieġbu bl-aħjar okkażjoni tal-ewwel taqsima, kien kross tajjeb ta’ Ryan Scicluna li sab lil Nikola Vukanac fil-kaxxa, iżda d-daqqa ta’ ras tad-difensur għaddiet ċentimetri barra mill-wieqfa. Minuta wara, Ryan Scicluna prova b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa li kien salvat mingħajr problemi minn Manuel Bartolo.
Ċans ieħor għal Birkirkara fis-37 minuta, minn kross ta’ Kurt Zammit li sab lil Ryan Scicluna, iżda l-midfielder seta’ għamel aħjar mill-viċin. Ryan Scicluna reġa’ kien involut f’okkażjoni oħra fil-45 minuta b’xutt djagonali mill-kaxxa li għadda ftit barra. Birkirkara għalqu t-taqsima b’ċans ieħor perikoluż b’Ryan Scicluna jsib lil Srdan Dimitrov, bix-xutt indirizzat fir-rokna ta’ fuq jispiċċa ftit għoli.
San Ġwann kellhom azzjoni sporadika fit-53 minuta b’xutt ċentrali fil-baxx ta’ Kyle Gatt li kien salvat minn Naumovski. Birkirkara komplew b’aktar azzjonijiet żewġ minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Carlos da Silva li għadda barra.
Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, bdiet tiżdied l-urġenza fit-tim Karkariż. Fis-70 minuta minn kross tas-sostitut Gianluca Zammit, Nikola Vukanac prova b’xutt fil-baxx mill-ewwel, iżda Bartolo kien pożizzjonat tajjeb u salva. Minuta wara reġa’ kien Bartolo li din id-darba ċaħħad lil Srdan Dimitrov wara xutt għar-rokna.
Iżda fit-72 minuta Birkirkara meritatament ġabu d-draw. Kien free-kick fil-baxx angolat ta’ Jake Grech, Manuel Bartolo salva mingħajr ma żamm, b’Fernando BARBOSA jkun pront u jixħet fix-xibka mill-qrib.
Dan il-gowl żied l-isforzi ta’ Birkirkara li jippruvaw jirbħu l-logħba. Kien minuta wara li xutt ta’ Jake Grech mill-kaxxa deher destinat li jidħol, iżda Thiago de Souza kien fil-post it-tajjeb biex jimblokka b’siequ.
Ħames minuti wara, Manuel Bartolo żamm lit-tim tiegħu fil-logħba, wara li salva xutt ċentrali li iżda kien b’saħħtu. Birkirkara baqgħu jilagħbu nofs grawnd iżda ftit kienu perikolużi, sakemm fit-93 minuta, Jake Grech seta’ skorja l-gowl tar-rebħa, iżda l-konklużjoni tiegħu minn pożizzjoni tajba għaddiet ftit barra, biex il-partita kompliet fil-ħin barrani.
Il-logħba kompliet tkun milgħuba fuq naħa waħda. Fis-97 minuta ċans għaż-żagħżugħ Gianluca Zammit li mill-viċin xeħet barra wara kross ta’ Herrera. Sitt minuti wara, Jake Grech spara għoli minn pożizzjoni tajba, biex minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima tal-ħin barrani, Birkirkara skorjaw il-gowl tar-rebħa. Kien Carlos DA SILVA li b’xutt għar-rokna leminija għeleb lil Bartolo.
//= $special ?>