F’post fuq facebook illejla id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech spjega r-raġunijiet għaliex għada mhux ser jattendi għall-ftuħ u r-riċeviment tal-18. Claudio Grech qal li minkejja li hu mistieden, bħala Deputat Belti jħoss li jkun qed jonqos mir-rispett lejn ir-residenti Beltin jekk jattendi għal dan ir-riċeviment.
Hu spjega li mhux ser jattendi, għaliex mijiet ta’ postijiet tal-housing fil-Belt Valletta qiegħdin fi stat tat-tielet dinja u mhux xierqa ta’ Belt kapitali tal-kultura , għaliex in-numru ta’ parkeġġi riżervati għal-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern faqqsu u komplew jieħdu mill-ftit li kien għad fadal għar-rsidenti, għaliex il-passaġġi ta’ ħafna toroq inbelgħu mir-ristoranti u l-ħwienet minghajr ebda kontroll jew proporzjoni raġjonevoli, għaliex il-bankini fiż-żoni residenzjali lanqas għal bhejjem m’huma tajbin aħseb u ara għan-nies speċjalment l-anzjani, għaliex il-Kunsill Lokali kien abbandunat mill-Gvern u ma’ ngħatax Ewro wieħed biex f’dawn l-aħħar erba’ snin ikun jista’ jinvesti fl-infrastruttura residenzjali, għaliex il-Beltin baqgħu b’xiber imieħer fuq il-ground tal-football. Ħames snin fejn Valletta FC ġew imċaħħda milli jiżviluppaw l-art li għandhom bi skuża wara l-oħra, għaliex il-pitch tal-Waterpolo tal-Belt sar miżbla li tħalla jiddeterjora f’sit tal-mistħija u fuq kollox għaliex il-Belt Valletta saret playground mimlija scaffolding, tined u konki fejn ir-residenti iridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ strateġija li warrbet kull sens ta’ bilanċ bejn dak li hu kummerċjali u dak li hu tal-komunita’.
Claudio Grech qal ukoll li dan ma’ jnaqqas xejn mill-apprezzament tiegħu għal dawk l-artisti li ġenwinament ħadmu biex jagħtu l-kontribut tagħhom mill-lat kulturali. Temm jgħid, li hija ħasra li l-kultura nbidlet f’festini bil-konsegwenza li ma’ gietx integrata f’qafas ta’ rispett u rikonoxximent li jixirqilhom ir-residenti.