Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu kliem ta’ tifħir lill-investituri privati li qed jagħtu qawmien mill-ġdid lill-Belt Valletta.
Hu ddikjara dan hekk kif il-Ġimgħa filgħodu żar is-Suq tal-Belt, investiment ġdid minn Arkadia Marketing Limited li taw ħajja mill-ġdid lill-post storiku mibni fl-1860 mill-Ingliżi.
Adrian Delia fisser dan il-post bħala wieħed mis-simboli taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Valletta 2018 – ċelebrazzjoni ta’ diversità fil-kulturà, ta’ ikel, ta’ attività u tan-nies li jżuru dan il-post.
“Anke l-postijiet, il-binjiet antiki, qed jiġu żviluppati u qed jerġgħu jgħixu mill-ġdid. Għandna ħafna żviluppi fil-Belt li tbiddlu f’boutique hotels, ħwienet, mużewijiet, il-Kunsill Lokali tal-Belt u issa wkoll is-Suq tal-Belt.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li dan l-investiment privat hu importanti biex jintlaħaq l-għan prinċipali li mill-ġdid il-Belt kapitali tagħna tkun post fejn jirritornaw in-nies biex jgħixu. Dan quddiem sfida ta’ popolazzjoni Beltija li dejjem qed tonqos.
“Naħseb rinaxxità tal-Belt, propju anke f’din is-sena fejn nagħtu highlight xieraq u denju. Nixgtiequ li l-Belt Kapitali tagħna tkun mhux biss belt umilissima imma wkoll li tilqa’ fi ħdanha mhux biss lin-nies tax-xogħol imma nies li jgħixu hawn, ituha ħajja u li jagħmluna kburin li Malta għandha waħda mill-isbaħ bliet kapitali fid-dinja.”
Matul iż-żjara tiegħu, Adrian Delia mhux biss iddawwar mas-Suq tal-Belt mid-diretturi li jmexxu l-ħidma fih, imma wkoll kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ diversi impjegati tal-istabbilimenti differenti.
Spikkaw fuq kollox diversi persuni li, qalb in-nostalġija ta’ dan il-post inġabru biex jieħdu xi kafe jew inaqqru xi ħaġa fl-istess waqt li ħatfu l-opportunità li jaqbdu diskursata mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista jew jippużaw għar-ritratti miegħu.
Hu kien akkumpanjat mid-Deputati tad-distrett, Mario de Marco u Claudio Grech, is-Sindku Alexei Dingli u l-kunsilliera Christian Micallef u Vince Fabri.
//= $special ?>