Lokali

Il-kumpanija Coca-Cola tħabbar pjan globali ġdid bit-tema “Noħolqu dinja mingħajr skart”

Il-Kumpanija qed timmira li tibda tiġbor u tirriċikla flixkun għal kull wieħed li tbigħ sal-2030.

 

Illum il-Kumpanija Coca-Cola ħabbret li qed tfassal mill-ġdid l-approċċ tagħha għall-imballaġġ, b’għan globali li tiġbor u tirriċikla l-ekwivalenti ta’ 100% tal-imballaġġ li tipproduċi sal-2030.

Fi stqarrija l-President u CEO ta’ The Coca-Cola Company, James Quincey sostna li d-dinja għaddejja minn problema qawwija ta’ produzzjoni ta’ skart u hija responsabbilità taghħhom u diversi kumpaniji oħra sabiex din tissolva. Huwa sostna li permezz ta’ dan il-pjan, huma qiegħdin jinvestu fil-pjaneta sabiex din il-problema tkun xi ħaġa tal-passat.

Għaldaqstant il-Kumpanija qed timmira li tibda tiġbor u tirriċikla flixkun għal kull wieħed li tbigħ sal-2030.  Bħala kumpanija ser tappoġġja il-ġbir tal-ippakkjar madwar l-industrija, inklużi l-fliexken u laned minn kumpaniji oħra. Is-sistema Coca-Cola taħdem ma’ komunitajiet lokali, imsieħba industrijali, klijenti u konsumaturi biex tgħin tindirizza kwistjonijiet bħall-iskart tal-ippakkjar u l-iskart li jispicca fil-baħar.

Sabiex dan il-għan jintlaħaq, il-kumpanija Coca-Cola qed tkompli taħdem biex tagħmel l-ippakkjar kollu tagħha 100% riċiklabbli globalment. Il-Kumpanija qed iżżid, b’mod sostanzjali, l-użu ta’ prodotti riċiklabbli sabiex tipproduċi il-fliexken tagħha.  Din l-istrateġija hija parti mill-viżjoni totali tal-kumpanija dwar is-sostenibbiltà.   Eżempju ta’ dan hija il-mira tal-kumpanija li tissuplimenta lura lill-komunitajiet l-ilma użat sabiex tipproduċi ix-xarbiet tagħha.  Din il-mira intlaħqet fl-2015, ħames snin qabel id-data stabbilità.

Maria Micallef, COO ta’ GSD Marketing Ltd. saħqet li l-kumpanija ser tilqa’ din l-inizjattiva flimkien mal-kumpanija Coca-Cola sabiex dan l-għan jintlaħaq ukoll lokalment.