Il-Kunvent tal-Agostinjani fil-Belt jinsab miftuħ għall-pubbliku, li se jkollu l-opportunità li jifhem iżjed il-ħajja wara l-bibien ta’ dan il-post li x-xogħol fuqu oriġinarjament beda fl-1571 fuq pjanti tal-Perit Gilormo Cassar. Dwar dan tkellimna ma’ Fr Alex Cauchi.
Fost il-postijiet li se jkunu miftuħa għall-pubbliku hemm il-librerija li fost l-oħrajn fiha wkoll iċ-ċertifikati tal-poeta Rużar Briffa u tapit mogħti lil din il-komunità mill-Gran Mastru Pinto.
Dawk li jżuru dan il-post, fil-parti t’isfel jistgħu jżuru wirja mill-Għaqda Dilettanti tal-Mudelli tal-Knejjes fejn fost l-oħrajn jispikka l-mudell tar-Rotunda tal-Mosta magħmula minn għexieren ta’ eluf ta’ biċċiet tas-sulfarini.
Wieħed isib ukoll wirja ta’ flokkijiet, trofej, ritratti u artikli antiki li għandhom x’jaqsmu mal-klabb tad-dilettanti ta’ Rovers United, klabb storiku tal-Belt li twaqqaf 63 sena ilu.
Dan minbarra kollezzjonijiet privati oħra, fosthom dik ta’ Kenneth John Formosa li għandha x’taqsam ma’ flokkijiet ta’ plejers ta’ Valletta F.C. li għamlu isem għal pajjiżna.
Hemm ukoll kollezzjoni oħra privata, dik ta’ Alfred Zammit, li tiġbor l-istorja kollha tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa.
Is-Sibt il-pubbliku jista’ jżur il-kunvent tal-Agostinjani u dawn il-wirjiet bejn l-10 u s-13:00 u bejn il-17:00 u l-23:00.
//= $special ?>
