Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

‘Ir-rapporti tal-FIAU jikkonfermaw is-suspetti li Pilatus Bank inħoloq biex jaħsel il-flus’

Espert fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus isaħħaħ id-dikjarazzjonijiet tal-MEP David Casa

Espert fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus qal li r-rapporti tal-FIAU li ġew ippubblikati jikkonfermaw is-suspetti li Pilatus Bank inħoloq biex jaħsel il-flus. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru mas-sit The Shift, fid-dawl tal-provi ġodda li ressaq il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew – provi li jikkonfermaw li Pilatus Bank inħoloq bl-iskop li jinaħslu l-flus.

Mas-sit tal-aħbarijiet, l-espert fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, li tkellem b’kundizzjoni ta’ anonimità, qal li irrispettivament mill-provi li għandu f’idejh David Casa, l-informazzjoni pubblika li diġà teżisti twassal għall-istess konklużjonijiet li wasal għalihom l-MEP tal-Partit Nazzjonalista.

Fost l-oħrajn, l-espert irrefera għal dan l-informazzjoni li tinsab fid-dominju pubbliku:
– Ir-rapporti tal-FIAU jikkonfermaw li Pilatus Bank intuża biex jiġu trasferiti flus f’numru f’atti kriminali;
– Pilatus Bank qatt ma bagħat Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi, li kien obbligat li jagħmel skont il-liġi;
– Is-sidien tal-bank ukoll jeżistu dubji kbar dwarhom, tant li fir-rapport dwar Adrian Hillman, l-FIAU stess kienet infurmata dwar il-fatt li ċ-Chairman tal-bank kien qed jiġi investigat f’ġurisdizzjonijiet oħra b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus;
– Il-klijenti tal-bank huma politiċi mill-Ażerbajġan, li skont rapporti, trasferew ammonti kbar ta’ flus mingħajr ebda ġustifikazzjoni, u ma saru ebda studji dwar minn fejn ġew dawn il-flus;
– Ir-rapport li sar wara li l-FIAU mar fl-uffiċini tal-bank jirreferi għall-fatt li l-bank kien qed jikser il-liġijiet.

Mill-arkivji: L-MEP David Casa jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

L-MEP David Casa, ilbieraħ, bagħat il-provi li għandu lill-Bank Ċentrali Ewropew, wara li f’Novembru li għadda, talab lill-istess awtorità Ewropea tara jekk għandiex titneħħa l-liċenzja mingħand Pilatus Bank. Dan fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, li minbarra li sejjħet għat-tkeċċija taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi u biex dawn jiġu nvestigati, sejħet ukoll lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jagħmel analiżi ta’ Pilatus Bank.