Lokali

Ir-Richmond Foundation tniedi proġett tal-ewwel għajnuna fost l-adoloxxenti

Il-perjodu ta’ adoloxxenza hu żmien ta’ tibdil kbir għall-adoloxxenti li jpoġġi stress psikoloġiku qawwi. Dan iwassal għal effett fuq il-moħħ tal-bniedem u hu wkoll perjodu fejn jibdew joħorġu wkoll diversi problemi psikoloġiċi.

Hu għalhekk li l-Fondazzjoni Richmond nediet il-proġett Mental Health First Aid għall-Adoloxxenti li se joffri taħriġ lill-edukaturi u adoloxxenti Maltin biex jagħrfu meta adoloxxenti oħra jkunu għaddejjin minn diffikultajiet psikoloġiċi u kif għandhom jassistuhom.

L-ewwel għajnuna f’każi simili hi ferm importanti hekk kif il-perjodu tal-adoloxxenza hu wkoll perjodu fejn moħħ dak li jkun ikun qed jiżviluppa u għalhekk azzjoni mmedjata jaf tevita riperkussjonijiet dejjiema.

Bħalissa f’pajjiżna hawn ukoll Dr Claire Kelly, professjonista mill-Awstralja b’esperjenza ta’ taħriġ dwar l-ewwel għajnuna lil persuni bi problemi prikoloġiċi. Hi qed tħarreġ lil professjonisti Maltin oħra biex ikunu jistgħu joffru dan it-taħriġ huma wkoll.

It-tnedija ta’ Mental Health First Aid għall-Adoloxxenti ssegwi rikonoxximent lil Richmond Foundation bħala l-entità nazzjonali tas-servizz tal-Mental Health First Aid fl-2015.

Pajjizna hu wieħed minn 21 pajjiz ieħor li joffri servizz tal-ewwel għajnuna relatata ma’ problemi mentali.