Is-sit tal-bassara tat-temp indipendenti FirstMalta.com qed jgħid li l-aħħar indikazzjonijiet qed juru li l-kesħa li kellha tasal sa fuqna mhux se tilħaqna hekk kif is-sħana li toriġina mill-Afrika se tibqa’ taħkem fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u mhux se tippermetti li l-kesħa tasal sa fuq il-gżejjer Maltin kif oriġinarjament kien maħsub għall-weekend. Il-mappa annessa tindika t-temperaturi għall-tmiem il-ġimgħa fuq l-Ewropa u t-tramuntana tal-Afrika.
Ir-riħ se jilħaqna xorta
Jidher li r-riħ se jilħaqna xorta waħda, dan hekk kif sistema ta’ pressjoni baxxa li tinsab fuq il-Greċja se tikkontrasta ma’ sistema ta’ pressjoni għolja li tinsab lejn il-Punent tagħna. Dan se jwassal sabiex il-Ħadd filgħodu r-riħ Punent Majjistru se jilħaqna b’qawwa ta’ Forza 7 li f’xi ħin mal-ġurnata jmiss il-Forza 8 u jibda’ jikkalma mal-lejl.
Ftit xita f’forma iżolata nhar il-Ħadd
Hekk kif jidher li s-Sibt filgħaxija ammont kbir ta’ nies mistenni jitilgħu l-belt Valletta għall-ftuħ u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-V18, jidher li x-xita mhux se tkun qed tilħaqna f’dawk il-ħinijiet u l-gżejjer Maltin se jintlaħqu biss minn ftit xita rxiex nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar, matul il-ġurnata, iżda l-ammonti mistennija jkunu minimi. Ir-riħ li ħakem il-gżejjer Maltin matul il-lejla bejn l-Erbgħa u l-Ħamis wassal biex ir-riħ qaleb tined li kienu armati għaċ-ċelebrazzjonijiet.
It-tbassir tat-temp għal tmiem il-ġimgħa
Is-Sibt, 20 ta’ Jannar, temp ġeneralment imsaħħab, it-temperaturi jilħqu l-ogħla ta’ 16C u l-inqas ta’ 11C, ir-riħ Tramuntana Forza 4 – 5
Il-Ħadd, 21 ta’ Jannar, Ċans ta’ xita iżolata f’xi ħin matul il-ġurnata, temperaturi: l-ogħla 16C, l-inqas 13C, riħ Punent Majjistru Forza 7, f’xi ħin qasir imiss Forza 8.
//= $special ?>