Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal jikkwalifika għar-raba’ rawnd tal-Open tal-Awstralja

Rafael Nadal fl-azzjoni fit-tielet rawnd (Ritratt: EPA)

Rafael Nadal ma kellux problemi biex f’anqas minn sagħtejn jegħleb lil Damir Dzumhur 6-1, 6-3, 6-1 biex għadda għar-raba’ rawnd tal-Open tal-Awstralja. Nadal wara l-logħba wera l-kuntentizza tiegħu u qal li jekk wieħed ma jilgħabx tajjeb impossibbli li jkollu dawn it-tip ta’ riżultati.

It-tennist ta’ 25 sena minn Sarajevo kien għeleb darba lil Nadal fl-2016, meta l-Ispanjol kien irtira minn logħba mill-Masters ta’ Miami minħabba li kien ma jiflaħx.

Nadal irnexxielu jiftaħ vantaġġ ta’ 5-0 fi ftit ħin, b’Dzumhur jirbaħ il-logħba bis-service tiegħu, sakemm Nadal għalaq l-ewwel set 6-1. B’diversi winners, Nadal mar 2-0 minn fuq fit-tieni set, iżda Dzumhur li sar l-ewwel Bożnijak li rebaħ titlu f’livell ta’ Tour is-sena, wieġeb permezz ta’ backhand tajjeb li kienet wisq għal Nadal.

Nadal kiser is-service fil-logħba ta’ wara biex kompla jiddomina l-logħba, fejn saħansitra rnexxielu jirbaħ logħba minnhom li damet għaxar minuti fil-bidu tat-tielet set. Hu għalaq il-konfront b’ace u sussegwentament għolla l-ballun.

Fir-rawnd li jmiss, Nadal jilgħab kontra s-sid numru 24 tat-tournament Diego Schwartzman. “Hu plejer tajjeb. Hu plejer li s-sena l-oħra kellu sena brillanti, u din is-sena beda jilgħab tajjeb ukoll. Diġà rebaħ tliet logħbiet hawn, fejn lagħab b’livell għoli. Hu plejer komplut. Inkun onest, hu plejer li jekk ma nkunx fl-aqwa tiegħi, probabbli mhux se negħleb,” qal Nadal.

Tags